ĊERTIFIKAT GĦALL-IMPENN TA’ PATRI DIJONISJU MINTOFF FOST IL-PERSUNI LI JFITTXU L-AŻIL F’MALTA
Il-Ministru tal-Ġustizzja u l-Intern, l-Onor. Carmelo Mifsud Bonnici jifraħ lid-Direttur tal-Laboratorju tal-Paċi f’Ħal Far, Patri Dijonisju Mintoff fl-okkażjoni tal-għoti tal-Premju Internazzjonali għad-Drittijiet tal-Bniedem mill-bord tad-diretturi tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Franġiskani ftit tal-jiem ilu.
Il-Ministru Mifsud Bonnici jemmen li dan il-premju huwa xhieda tal-impenn attiv li Patri Dijonisju dejjem wera bil-ħidma tiegħu favur il-paċi, il-ġustizzja soċjali u l-ambjent, speċjalment fost il-persuni immigrati li jfittxu l-ażil f’pajjiżna. Mhux biss, imma dan il-premju huwa anke rikonoxximent għall-kotra ta’ ħaddiema u voluntiera li Patri Dijonisju ġabar madwaru sabiex jgħinuh iwettaq din il-missjoni tiegħu.
Finalment, il-Premju Internazzjonali għad-Drittijiet tal-Bniedem huwa anke ċertifikat imprezzabbli għall-għaqdiet non-governattivi Maltin li jaħdmu mill-qrib mal-persuni li jfittxu l-ażil fid-dawl tal-isfidi li kostantement jiffaċċja pajjiżna fil-qasam tal-immigrazzjoni u l-ażil.
Il-Ministru jawgura kull suċċess lil Patri Dijonisju Mintoff fil-ħidma futura tiegħu.
Other Press Releases:
PR261991
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL ...
PR261990