LEJLET LAPSI NOTTE GOZITANA 2010
Għat-tielet darba, il-Ministeru għal Għawdex se jorganizza Lejlet Lapsi Notte Gozitana, mill-Ġimgħa, 14 ta’ Mejju sal-Ħadd, 16 ta’ Mejju, f’liema jiem se jittellgħu għadd kbir ta’ attivitajiet. Il-programm jibda ġimgħa qabel, meta fid-9 ta’ Mejju, xejn anqas minn erba’ wirjiet f’postijiet differenti se jiftħu l-bibien tagħhom għall-pubbliku.
Fost l-attivitajiet mħejjija fil-programm ta’ dan l-avveniment għal din is-sena, se jkun hemm taħdidiet kommemorattivi, animazzjonijiet artistiċi, ‘Arti fl-Imsieraħ’ - attivita’ li tinkludi ‘Idek fl-Arti’ bil-kollaborazzjoni taċ-Ċentru tal-Arti u l-Artiġjanat Wistin Camilleri, u ħafna attivitajiet kulturali oħra relatati ma’ bosta oqsma, li se jimlew kull ħin ta’ dan tmiem il-ġimgħa, u li se jappellaw għall-pubbliku in ġenerali ta’ kull eta’. Lejlet Lapsi Notte Gozitana hu mfassal b’mod li joffri attivitajiet b’appell wiesa’ u varjat.
Waqt it-tnedija ta’ din l-edizzjoni, il-Ministru għal Għawdex, l-Onor. Giovanna Debono, spjegat kif l-edizzjoni ta’ din is-sena qed tibni fuq is-suċċess ta’ inizjattivi preċedenti. “Ninsab konvinta li Għawdex għandu ħafna x’joffri kemm lit-turisti u kemm lill-Maltin li jżuruna regolarment”, qalet il-Ministru Debono waqt li kompliet li “Lejlet Lapsi Notte Gozitana 2010, li se tibda nhar id-9 ta’ Mejju u jilħaq il-qofol tieghu fil-jiem bejn l-14 u s-16 ta’ Mejju, hu vetrina ideali għall-arti u biex inkomplu naqsmu ma’ ħafna oħrajn il-wirt tagħna. B’dawn l-attivitajiet kollha li se jseħħu fil-belt Victoria, jiena ċerta li hemm xi ħaġa għal kulħadd. Għalhekk dawn il-jiem għandhom jitħallew ħielsa mill-impenji biex tingħaqdu magħna.”
Il-wirjiet jinkludu żewġ postijiet iddedikati għat-tliet ġenerazzjonijiet tal-familja Busuttil, familja ta’ artisti tas-seklu 19. Dawn se jittellgħu fil-Ministeru għal Għawdex u fil-Banca Giuratale. Din hi l-ewwel darba li x-xogħlijiet tagħhom inġabru f’wirja waħda. Ix-xogħlijiet jinkludu pitturi, tpinġijiet, inċiżjonijiet, kollha magħmula mill-familja Busuttil, li kellhom rabtiet kbar m’Għawdex.
Wirja oħra se tħares lejn l-20 sena li fihom id-Djoċesi Għawdxija tmexxiet mill-Isqof Mikiel Gonzi. Din se ssir fil-Kurja tal-Isqof. Wirja oħra intitolata ‘Wirt u Identita’, se tittratta l-bizzilla Għawdxija u se tinżamm fil-Kunvent tas-Sorijiet Franġiskani fi Triq Palma fir-Rabat.
Is-Sur Kevin Sciberras, Chairman tal-Kumitat Organizzattiv ta’ Lejlet Lapsi Notte Gozitana qal li “L-esperjenzi tagħna fis-snin l-imgħoddija servew ta’ bażi biex din is-sena nimmiraw li noħolqu programm għall-familja kollha, b’attrazzjonijiet innovattivi waqt li niżviluppaw ferm aktar il-kunċett tan-‘notte’. Ħejjejna programm tassew mimli u mill-aktar varjat, maħsub b’mod li l-udjenza tagħna se tieħu gost b’dak kollu offrut.”
Fl-għodwa tal-14 ta’ Mejju n-Notte Gozitana tibda uffiċjalment b’attivita’ għat-tfal tal-iskola organizzata mill-Gozo College f’Misraħ Savina.
‘Music in the Air’, hu spettaklu b’attrazzjonijiet li jinkludu mużika, żfin u wirja spettakulari tal-avjazzjoni fl-ajru, li se jittella’ mit-8.00 p.m. ‘il quddiem fi Triq Papa Ġwanni Pawlu II fir-Rabat. Fost dawk li se jieħdu sehem hemm il-Banda tal-Forzi Armati, kif ukoll żfin tal-ballet mill-kumpanija tat-Teatru ta’ Verona, immexxija miż-żeffien Dorian Mallia.
Fil-Ġonna tal-Kastell, fiċ-Ċittadella, fil-jiem tal-Ġimgħa u s-Sibt se jiġi organizzat Festival Eko-Kulturali. Dan se jsir fuq is-Sur ta’ San Mikiel, is-Sur ta’ wara ċ-Ċentru Kulturali, u fi Triq il-Foss, bil-parteċipazzjoni ta’ Delicata Winery u l-Assoċjazzjoni tat-Turiżmu għal Għawdex.
L-ispazju tal-venda tal-karozzi tal-linja se jilqa’ fih żewġ attivitajiet ippreżentati minn Dynamic Promotions: The Free Rock Festival, il-Ġimgħa; u The Free Dance Festival is-Sibt, mill-10 ta’ filgħaxija ‘il quddiem. Mistiedna speċjali jinkludu lil Ira Losco flimkien ma’ Red Electric.
Għall-ewwel darba f’Għawdex se jittella’ kunċert live diġitali, ppreżentat minn DJs popolari fuq l-istazzjonijiet radjufoniċi, flimkien ma’ wħud mill-aqwa artisti Maltin fosthom Tenishia, Bengy, Duncan F, Luc Adams, Mykill & Kevin the Bongo man, Miss Roberta and Carl Bee, akkumpanjati bi strumenti li jinkludu bongo, kitarri, perkussjoni u tnabar.
Is-Sibt, 15 ta’ Mejju, bejn l-10.00 ta’ filgħodu u s-1.00 ta’ wara nofsinhar se jinżammu żewġ żjarat interessanti. Waħda li qed issir bil-koperazzjoni ta’ Din L-Art Ħelwa, se żżur bid-dgħajsa t-torrijiet f’Għawdex u Kemmuna. Tibda f’Kemmuna, tkompli lejn Imġarr ix-Xini u tintemm id-Dwejra bl-ikel (Din l-attività biss hija bil-ħlas). L-oħra se ddur il-kunventi fil-belt Victoria: il-Kapuċċini, San Franġisk, is-Sorijiet Franġiskani u Santu Wistin, u wkoll tintemm bl-ikel.
Matul il-jum ikun hemm tiġdid ta’ waqtiet storiċi fit-toroq dojoq taċ-Ċittadella u tal-belt Victoria. Għall-ħabta tal-11.00 ta’ filgħodu, se tinżamm wirja tal-avjazzjoni fl-ajru msejjħa ‘Ġwienaħ fuq Għawdex’ biċ-Ċittadella tkun l-aħjar lok minn fejn wieħed jista’ jsegwi dak li jkun għaddej. Kunċert għal waqt Ħin l-Ikel jibda fin-nofs siegħa fil-Kattidral t’Għawdex.
Mit-8.00 ta’ filgħaxija sal-10.30, se jkun hemm attivita’ bit-tema “Misraħ tat-Tfal” li tinkludi animazzjonijiet mibnija fuq leġġendi Għawdxin, diretti minn Ġorġ Mizzi, u mid-9.30 ta’ filgħaxija ikun hemm siltiet mill-musical Il-Ħolma ta’ Ġużeppi, imtella’ mill-Oratorju Dun Bosco.
Matul il-lejla, tul Triq ir-Repubblika, se tinżamm l-Esperjenza Għawdxija, li tikkonsisti f’erbatax-il tema li jirrappreżentaw lil kull Kunsilli Lokali f’Għawdex. Mit-8.00 ta’ filgħaxija sa nofsillejl, ikun hemm ukoll “Il-Mixgħela bix-Xama’ tal-Borgo’”, b’animazzjonijiet minn Tama Tnabar u l-Leone Reale Sbandieratori minn Sqallija tul it-toroq dojoq tal-belt Victoria, li jinkludu Triq Akkursju Xerri, San Ġorġ tal-Ħaġar u Triq tal-Karmnu.
L-attrazzjoni prinċipali se tinżamm f’Misraħ Indipendenza. Tibda fid-9 ta’ filgħaxija bi programm minn Favourite Channel, immexxi minn Karl u Romina, li jikkonsisti b’mużika mill-banda ta’ Mro. Dominic Galea, sitt kantanti - Jade, Leontine, Ludwig Galea, Doreen Galea, Gigu u Olivia Lewis, logħob bin-nar minn Mario, żfin Latin minn Pro Touch, illużjonijiet minn Brian Role and Lola, u sehem mill-artisti Għawdxin Miriam Christine u Francesca u Michaela.
Fuq palk ieħor, is-Central Dance Academy se tippreżenta siltiet minn The Unforgettable Dance Show fl-10 ta’ filgħaxija. Sigmund Mifsud u l-banda tiegħu se jagħtu spettaklu ta’ 90 minuta mill-ħdax-il quddiem. Misraħ San Ġorġ se jilqa’ fih spettaklu minn Chasing Pandora li jibda fin-nofs siegħa.
Il-jiem tan-Notte Gozitana jintemmu b’Tatoo Mużikali Għawdxi il-Ħadd, 16 ta’ Mejju mill-10.30 ta’ filgħodu san-nofs siegħa ta’ wara nofsinhar. Boy Scouts u Boys’ Brigades Bands mill-gruppi tal-iScouts mill-Ħamrun, Santa Venera, Marsa, Mosta, Naxxar, Msida u Bormla se jitilqu minn inħawi differenti tal-belt Victoria, fosthom Pjazez San Franġisk u Santu Wistin, il-Kapuċċini, Triq il-Papa Ġwanni Pawlu II, Taċ-Ċawla u Triq Fortunato Mizzi, u jimxu lejn Misraħ Savina. Minn hemm ikun hemm marċ fi Triq ir-Repubblika, li jintemm f’Misraħ Kennedy.
Dawn l-attivitajiet kollha huma miftuħa għall-pubbliku kollu u huma mingħajr ħlas. Għal aktar informazzjoni tista’ ċċempel fuq 21556125 /21563556, jew tikteb fuq e-mail: info@gozoculture.com. Tista’ wkoll iżżur il-websajt www.gozoculture.com jew tingħaqad mal-grupp fuq Facebook, gozoculture.com.
Other Press Releases:
PR261991
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL ...
PR261990