IL-KUMMISSARJU EWROPEW JOHN DALLI JILTAQA’ MAL-ISPEAKER LOUIS GALEA
Il-Kummissarju għall-Politika tas-Saħħa u l-Protezzjoni tal-Konsumatur, John Dalli, dalgħodu għamel żjara ta’ kortesija lil Mr Speaker, l-Onor. Louis Galea fl-Uffiċċju tiegħu fil-Parlament.
Il-Kummissarju John Dalli, filwaqt li awgura lil Louis Galea ħidma fejjieda fil-kariga l-ġdida ta’ Membru fil-Qorti Ewropea tal-Awdituri, fisser l-esperjenzi pożittivi tiegħu fil-kollaborazzjoni li qed ikollu mal-Parlament Ewropew.
Huwa spjega li fil-ħidma tiegħu jagħti l-ogħla konsiderazzjoni għad-dikjarazzjonijiet li jkunu qed isiru minn Membri Parlamentari Ewropej u mill-Gruppi Politiċi tagħhom, sew fil-Parlament kif ukoll barra. Is-Sur John Dalli fisser li l-Kummissjoni Ewropea hija mħejjija sew li tikkollabora mal-Parlament Ewropew fis-setgħat il-ġodda li kiseb bit-trattat ta’ Lisbona.
Min-naħa tiegħu l-iSpeaker Louis Galea irringrazzja lil John Dalli għaż-żjara tiegħu u qallu li japprezza ħafna l-fatt li sew hu kif ukoll il-Kummissjoni kollha jwettqu dan ir-rispett u kollaborazzjoni lejn il-Parlament. “Dan huwa essenzjali għall-istess leġittimità tal-Kummissjoni u tal-Unjoni Ewropea kollha kemm hi.
Illum il-Kummissjoni tinħatar bl-approvazzjoni tal-Parlament u lejh hi kontabbli fit-tmexxija tal-politika Ewropea u fl-implimentazzjoni tal-budget tagħha.” Louis Galea sostna li biex l-Ewropa jkollha vuċi li tiġi stmata fid-dinja jeħtieġ taħdem b’aktar kompatezza u konsistenza u biex dan iseħħ, jeħtieġ li l-istituzzjonijiet Ewropej flimkien mal-Istati Membri jkunu aktar effettivi fil-ħidma tagħhom milli kienu sal-lum.
Other Press Releases:
PR261991
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL ...
PR261990