TNEJN U GĦOXRIN ŻONA MADWAR MALTA U GĦAWDEX JIBBENEFIKAW MINN FOND TA’ 200,000 EURO
Tnejn u għoxrin żona madwar Malta u Għawdex se jibbenefikaw minn fond ta’ 200,000 Euro taħt l-iskema ta’ għajnuna lill-kunsilli lokali li tul is-sena jilqgħu fihom attivitajiet fuq skala nazzjonali li jkunu organizzati esklussivament mill-Gvern Ċentrali.
Dan ħabbru s-Segertarju Parlamentari responsabbli mill-Kunsilli Lokali Chris Said waqt attività li saret illum fil-Barrakka ta’ Fuq. Din kienet inizjattiva meħuda mis-Segretarjat Parlamentari responsabbli mill-Kunsilli Lokali flimkien mal-Kumitat għat-Titjib tal-Ambjent li twaqqaf sentejn ilu bħala kumitat ta’ koordinazzjoni.
Chris Said qal li l-Kumitat għat-Titjib tal-Ambjent jiġbor fih l-aktar entitajiet vitali għat-toroq f’Malta u Għawdex u jara li b’mod ġenerali, ikun hemm manutenzjoni adekwata fit-toroq. Chris Said qal li nħass il-bżonn li din il-ħidma tinfirex b’koperazzjoni mal-kunsilli lokali u għalhekk ġie deċiz ukoll li tinħoloq skema ta’ fondi speċjali sabiex tgħin lill-kunsilli lokali f’dan ir-rigward.
Chris Said qal li din id-deċiżjoni taqbel mal-ħsieb ġenerali kontenut fit-tiġdid tal-kunsilli lokali fejn ġie rikonoxxut il-fatt li r-responsabbilitajiet ta’ ċertu kunsilli lokali jmorrru ‘l hinn milli jieħdu ħsieb l-interessi u l-bżonnijiet tar-residenti tagħhom biss. Kien propju dan wieħed mill-għanijiet li għalih tnediet l-iskema ta’ fondi speċjali għal-lokalitajiet bi bżonnijiet speċjali.
L-Iskema ta’ Għajnuna lill-Kunsilli Lokali li tul is-sena jilqgħu fihom attivitajiet fuq skala nazzjonali organizzati esklussivament mill-Gvern Ċentrali hija pass ieħor biex tkompli tingħata għajnuna lill-kunsilli lokali jwettqu xogħol u proġetti li ma jkunux fl-interess esklussiv tal-lokalità.
L-Iskema kienet maqsuma f’żewġ partijiet fejn l-ewwel parti kienet intiża sabiex il-kunsilli lokali jagħmlu manutenzjoni fiż-żoni jew toroq li se jkunu affettwati minn attivitajiet nazzjonali u t-tieni parti kienet maħsuba sabiex isir titjib fl-istess tip ta’ żoni u toroq. Dawn l-attivtajiet jinkludu Notte Bianca, Città Magica, Parata tal-Forzi Armati, il-Festival tal-Logħob tan-Nar, festi nazzjonali u żjarat statali
Is-Segretarju Parlamentari qal li x-xogħlijiet finanzjati minn din l-iskema jinkludi titjib u kisi ta’ toroq, landscaping, refurbishment ta’ street furniture, tiswija ta’ kanali tal-ilma, tibdil ta’ tabelli tat-traffiku, bdil ta’ bankini u titjib tal-aċċessibbiltà għal numru ta’ servizzi pubbliċi.
Matul l-attività tħabbru l-kunsilli lokali li se jibbenefikaw minn din l-iskema li se jkunu Valletta, ir-Rabat (Malta), il-Fgura, Ħal Għargħur, il-Birgu, Ħal Qormi, Floriana, il-Gudja, il-Gżira, Ħal Għaxaq, il-Ħamrun, il-Kalkara, l-Imsida, Paola, San Ġwann, Santa Venera, Tas-Sliema, San Ġiljan u San Lawrenz.
Chris Said qal din mhix l-aħħar skema li qed tittieħed bejn is-Segretarjat responsabbli mill-Kunsilli Lokali u l-Kumitat għat-Titjib tal-Ambjent iżda huwa ppjanat li ssir skema simili fis-sena biex jiġu koperti aspetti differenti fil-lokalitajiet tagħna.
Is-Segretarju Parlamentari semma skemi oħra li qed isiru b’kollaborazzjoni bejn is-Segretarjat Parlamentari responsabbli mill-Kunsilli Lokali u entitajiet oħra fosthom l-iskema tal-Wifi flimkien mal-Awtorità Maltija tal-Komunikazzjoni, l-iskema tal-Attivitajiet Sportivi flimkien mal-Kunsill Malti għall-Isport u l-iskema ta’ Attivitajiet Kulturali flimkien mal-Awtorità Maltija tat-Turiżmu.
Other Press Releases:
PR261991
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL ...
PR261990