Left arrow Go Back

KAMPANJA ĠDIDA GĦALL-PROMOZZJONI TAL-UŻU TAL-LIBRERIJI

PR0564
Date Icon 30/03/2010

Il-Ministru tal-Edukazzjoni Dolores Cristina illum inawgurat kampanja għall-promozzjoni tal-qari u tal-użu tal-libreriji. Il-kampanja hija bbażata fuq it-tema ‘Edukazzjoni, Rikreazzjoni, Riċerka u Informazzjoni’, u qed tiġi organizzata mill-Ministeru tal-Edukazzjoni, Xogħol u l-Familja flimkien mal-Bibljoteka Nazzjonali u l-Librerija Pubblika Ċentrali li jaqgħu taħt id-Dipartiment tal-Libreriji.

Il-Ministru Cristina, li kienet akkumpanjata mis-Segretarju Permanenti Christopher Bezzina, kienet preżenti wkoll għall-okkażjoni li matulha ttellgħu żewġ profili tal-Bibljoteka Nazzjonali u tal-Librerija Pubblika Ċentrali fuq is-sit tan-networking soċjali Facebook (ara Stqarrija No. 0563).

“Jeħtieġ li noħolqu għarfien akbar dwar ir-riżorsi imprezzabbli li għandna fil-libreriji ta’ Malta u Għawdex,” saħqet il-Ministru Cristina. “Huwa għalhekk li l-Ministeru fassal din il-kampanja għall-promozzjoni tal-qari u tal-użu tal-libreriji. Qed jittieħdu passi konkreti biex isir użu akbar ta’ dawn il-libreriji, u biex in-nies jingħataw aktar inċentivi biex iżuruhom. Qed isir xogħol biex il-libreriji jiġu riġenerati, sabiex jilqgħu lil dak li jkun b’mod aqwa. B’kollaborazzjoni mal-Kunsilli Lokali, se jingħata ċertifikat u ktieb ta’ tifkira bħala rikonoxximent lil persuni li l-aktar jużaw il-libreriji tagħna.”

Apparti l-Bibljoteka Nazzjonali fil-Belt Valletta u l-Librerija Pubblika Ċentrali tal-Furjana, hemm ukoll seba’ libreriji reġjonali kif ukoll 35 librerija lokali li qed jiġu amministrati flimkien mal-Kunsilli Lokali. F’Għawdex hemm il-Librerija Pubblika, Librerija Pubblika għas-Self tal-Kotba u 12-il libreriji lokali oħra.

Il-Ministru Cristina tkellmet ukoll dwar ix-xogħol li qed isir bħalissa biex jittejbu s-servizzi u l-faċilitajiet tal-Bibljoteka Nazzjonali tal-Belt Valletta:

• twaqqfet Taqsima għall-Kuratela, li hija inkarigata bir-restawr, il-konservazzjoni u l-preżentazzjoni tal-bini tal-Bibljoteka u tal-arkivji u l-kollezzjonijiet storiċi li jinsabu fiha; 

• sar xogħol estensiv ta’ preparazzjoni għall-konservazzjoni b’mod diġitali tal-kontenut ta’ manuskritti, kotba qodma u gazzetti. Dan il-proċess mistenni jibda minn hawn u ftit żmien ieħor; 

• il-Bibljografija Nazzjonali dalwaqt se tittella’ fuq is-sit elettroniku tal-Bibljoteka, www.libraries-archives.gov.mt/; 

• it-Taqsima għar-Restawr qed tiġi rinnovata, u qed tiġi mgħammra b’apparat ġdid; • reġa’ beda jsir it-tindif tal-kotba; 

• il-kollezzjonijiet tal-kotba qed jiġu organizzati. Kotba li qed jitneħħew minn ġol-librerija qed jinżammu f’postijiet oħra; u 

• il-faċċata u l-loġġa tal-Bibljoteka Nazzjonali qed jiġu restawrati mit-Taqsima għar-Restawr tat-Taqsima tax-Xogħlijiet.

Dott. Bezzina tkellem dwar il-kampanja għall-promozzjoni tal-qari u tal-użu tal-libreriji li se tinkludi wirjiet, lectures, preżentazzjonijet u avvenimenti li matulhom il-pubbliku se jkun jista’ jiltaqa’ ma’ diversi awturi.

Waqt ix-xahar li ġej se jinżammu żewġ wirjiet, waħda fil-Bibljoteka Nazzjonali u l-oħra fil-Librerija Pubblika Ċentrali. Fil-5 t’April, bil-kollaborazzjoni tal-Kunsill Nazzjonali tal-ktieb, se tiftaħ wirja ta’ stampi u illustrazzjonijiet li ħoloq Trevor Zahra biex jintużaw f’bosta mill-kotba tiegħu għat-tfal. Din se ssir fil-Librerija Pubblika Ċentrali.

Fis-7 t’April, l-Arċisqof Mgr Paul Cremona se jiftaħ wirja dwar il-Papiet u dwar ir-relazzjonijiet li dawn kellhom mal-Ordni ta’ San Ġwann u ma’ Malta. Din se tittella’ fil-Bibljoteka Nazzjonali, u fiha se jintwerew oġġetti mill-kollezzjonijiet tal-Librerija Nazzjonali, artikli minn diversi gazzetti dwar iż-żjarat tal-Papa Ġwanni Pawlu f’Malta kif ukoll oġġetti varji li ġew mislufa minn individwi privati apposta għal din il-wirja. Iż-żewġ wirjiet se jkunu miftuħin waqt il-ħinijiet tal-ftuħ tal-libreriji, u se jdumu sat-30 t’April.

Fl-10 t’April, il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb se jippreżenta kotba li ġew ippubblikati Malta fl-2008, u li ddaħħlu għall-Premju Nazzjonali tal-Ktieb, lid-Dipartiment tal-Libreriji. Fit-13 t’April, id-Dipartiment tal-Gvern Lokali se jippreżenta għajnuna finanzjarja lill-Kunsilli Lokali għax-xiri ta’ kotba għal-libreriji lokali u reġjonali.

L-ewwel waħda mit-tliet sessjonijiet ‘niltaqgħu mal-awtur’, li qed jiġu organizzati flimkien mal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb, se ssir fil-Librerija Pubblika Ċentrali nhar is-16 t’April fis-7.00 ta’ filgħaxija. Għal din is-sessjoni se jkun hemm preżenti Charles Casha, li ħoloq il-persunaġġ Fra Mudest, u li se jkun qed iwieġeb il-mistoqsijiet tal-pubbliku.

Iż-żewġ sessjonijiet l-oħra se jinżammu fis-7 ta’ Mejju u t-2 ta’ Ġunju, u se jiffukaw rispettivament fuq l-awtur Anton Grasso, li se jitkellem dwar is-seħer li għandu fuqu l-ġeneru tal-istejjer tal-biża’; kif ukoll fuq l-awtur Immanuel Mifsud, li l-proża u l-poeżija tiegħu jittrattaw ir-realtajiet tad-dinja tal-lum.

Se jsiru wkoll tliet lectures fis-7.00 ta’ filgħaxija fil-Bibljoteka Nazzjonali. Fit-23 t’April, Charles Dalli se jitkellem dwar it-tema ‘Bejn l-Afrika u l-Ewropa: kif Malta kienet iggvernata lejn l-aħħar tal-Medju Evu’. F’din il-lecture se jintużaw dokumenti mill-perjodu tal-aħħar tal-Medju Evu li qed jinżammu fil-Librerija Nazzjonali, kif ukoll informazzjoni miksuba minn arkivji oħra.

Fl-14 ta’ Mejju, Olvin Vella se jitkellem dwar ‘L-ewwel kotba tal-iskola u l-ewwel kotba tar-reliġjon (madwar l-1830) – ir-riżultat tal-kollaborazzjoni ta’ M.A. Vassalli mal-Protestanti, waqt li fl-4 ta’ Ġunju, il-professur Oliver Friggieri se jagħmel ‘Analiżi tal-kliem tal-Innu Nazzjonali’.

Bejn il-5 u l-31 ta’ Mejju, fil-Librerija Pubblika Ċentrali, se ssir wirja tat-talent artistiku ta’ Clare Azzopardi, li waqtha se jintwerew kotba kreattivi għaż-żgħar u għall-kbar, kif ukoll pubblikazzjonijiet edukattivi dwar il-lingwa nazzjonali. Din se tiġi segwita minn wirja, li wkoll se ssir fil-Librerija Pubblika Ċentrali mill-5 sat 30 ta’ Ġunju, dwar ix-xogħlijiet ta’ Tony C. Cutajar, li kiteb għadd ta’ kotba għat-tfal u għall-adolexxenti. Iż-żewġ wirjiet qed jiġu organizzati flimkien mal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb.

Il-Kampanja Libreriji tiġi fi tmiemha fit-30 ta’ Ġunju, meta jitħabbru r-rebbieħa ta’ kompetizzjoni li ġiet maħsuba biex tħeġġeġ lin-nies biex iżuru l-libreriji. Ir-rebbieħ tal-ewwel premju se jingħata vjaġġ lejn Londra biex iżur il-British Library, filwaqt ir-rebbieħ tat-tieni premju se jingħata sett komplut tal-Kullana Kulturali maħruga minn Pubblikazzjonijiet Indipendenza (PIN).

DOI – 30.03.2010

Il-Librerija u l-Bibljoteka jingħataw Profili fuq Facebook Mil-lum, il-Bibljoteka Nazzjonali u l-Librerija Pubblika Ċentrali se jkollhom profili fuq Facebook. Dawn il-profili ġew maħsuba biex jilħqu lill-Maltin u lill- Għawdxin li jagħmlu użu min-netwerking soċjali b’mod aqwa, u b’mod aktar effettiv u li ma jinvolvix l-ispejjeż meħtieġa għal sit elettroniku. Se jsir kull sforz possibbli biex il-profili jkunu interessanti u attivi kemm jista’ jkun. Minbarra li se jkun fihom tagħrif ġenerali dwar il-Librerija u l-Bibljoteka, inklużi l-istorja tagħhom, is-servizzi offruti, il-ħinijiet tal-ftuħ, katalogi, tagħrif għall-kuntatt, kif ukoll quality service charters, il-profili se jservu ta’ mezz għall-promozzjoni tal-libreriji fil-kuntest tal-qari u r-riċerka, biex iħeġġu lin-nies jagħmlu użu minnhom. Dawn se jinkludu wkoll affarijiet oħra ta’ interess, fosthom wirjiet virtwali, ritratti, slogans għall-promozzjoni tal-qari u attivitajiet f’forma ta’ kwizz. Iż-żewġ profili ġew iddisinjati mill-membri tal-persunal tal-Bibljoteka Nazzjonali, li se jibqgħu jamministraw u jaġġornaw iż-żewġ profili kull tant żmien. Fuq il-profili se jkun hemm links għas-siti elettroniċi tal-libreriji, kif ukoll links għal siti elettroniċi oħra relatati.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL  Tittella’ r-raba’ edizzjoni ta’ Porkilicious: inizjattiva li tgħaqqad il-gastronomija u s-sostenibbiltà tal-ikel mal-appoġġ għall-Malta Community Chest Fund

PR261991

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT  “L-intelliġenza artifiċjali għandha tkun għodda mħaddma tajjeb, filwaqt li qatt ma tista’ tieħu r-rwol fundamentali tal-edukaturi” – Il-Ministru Byron Camilleri fi Brussell

PR261990

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT “L-intelliġenza arti...

More Press Releases Right arrow