Left arrow Go Back

STUDENTI MĦEĠĠA JKOMPLU JISTUDJAW

PR0516
Date Icon 24/03/2010

50 anniversarju mill-ftuħ tal-iSkola Sekondarja Bniet fil-Kulleġġ San Ġorġ Preca

Il-Ministru tal-Edukazzjoni, Xogħol u l-Familja, Dolores Cristina, appellat lill-istudenti biex ikomplu jistudjaw anke wara li jtemmu l-iskola sekondarja tagħhom.

Il-Ministru dalgħodu ħawwlet siġra u kixfet plakka kommemorattiva bħala parti miċ-ċelebrazzjonijiet li qed isiru fl-okkażjoni tal-50 anniversarju mill-ftuħ tal-iskola sekondarja tal-bniet fil-Kulleġġ San Ġorġ Preca, li qabel kienet magħrufa bħala l-Iskola Marija Assunta.

F’kelmtejn tal-okkażjoni l-Ministru Cristina qalet li din l-iskola kienet waħda mill-ewwel skejjel sekondarji tal-bniet li nbniet wara t-Tieni Gwerra u minnha għaddew eluf ta’ tfajliet li ħafna minnhom għamlu karriera u isem għalihom u għal pajjiżna.

Maż-żmien l-iskola tkabbret u kienet modernizzata skont il-ħtiġijiet edukattivi tal-lum u l-aħħar xogħlijiet fiha saru tul is-sajf li għadda meta kienet installata sistema ġdida tal-elettriku fl-iskola kollha u nbidel il-gymnasium.

Il-lum hi l-iskola sekondarja tal-bniet ewlenija fi ħdan il-Kulleġġ San Ġorġ Preca u toffri l-aqwa faċilitajiet ta’ tagħlim lil mijiet ta’ tfajliet kif ukoll ambjent sabiħ u l-bogħod minn kull periklu.

Il-Ministru Cristina qalet li anniversarju ta’ 50 sena hu avveniment ta’ min jiċċlelberah għax ifakkar il-ħidma kbira li saret minn mijiet ta’ għalliema u amministraturi li ħadmu f’din l-iskola tul dawn is-snin kollha kif ukoll il-ġid li sar mal-eluf ta’ studenti li studjaw fiha kemm ilha mwaqqfa.

Kien xieraq għalhekk li l-Prinċipal, is-Surmast u d-diriġenti l-oħra ħasbu biex ifakkru dan l-avveniment importanti b’diversi ċelebrazzjonijiet fosthom fejn se jitħawwlu siġar fil-masġar tal-iskola.

Din il-forma ta’ tifkira – tħawwil ta’ siġar – għandha sinjifikat importanti fi żmien meta kulħadd qed isir aktar konxju mill-importanza li nibżgħu għall-ambjent ta’ madwarna. Is-siġar isebbħu u jsaħħu l-ambjent li ngħixu fih u għalhekk l-appell tal-Ministru lill-istudenti hu li jindukraw dan il-masġar u żżommuh sabiħ, nadif u dejjem iħaddar.

Il-Ministru tal-Edukazzjoni qalet li l-masġar hu dedikat ukoll lil San Ġorġ Preca, l-ewwel qaddis Malti u patrun ta’ dan il-Kulleġġ. Hija tenniet li f’dan hawn messaġġ li ghandna nieħdu. Sfortunatament, dan l-aħħar kien hawn fostna min ippprova jżeblaħ u jkasbar lil dan il-qaddis li fi żmienu tant għamel ġid lis-soċjetà Maltija. Il-Ministru qalet li l-istudenti kollha għandhom ikunu kburin li l-Kulleġġ tagħhom hu dedikat lil dan is-saċerdot qaddis u ghandhon jżommu lil San Gorg Preca bħala mudell fil-ħajja tagħhom u jgħożżu t-tagħlim li għaddielna.

Il-Ministru ħadet l-okkażjoni biex filwaqt li rringrazzjat lill-għalliema dedikati li jagħtu sehmhom f’din l-iskola, awgurat lill-istudenti suċċess fl-istudji tagħhom u ħeġġithom biex jibqgħu jistudjaw anke wara li jispiċċaw minn din l-iskola li qed tippreparahom biex ikunu mhux biss studenti preparati akkademikament imma wkoll biex ikunu ċittadini tajbin.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL  Tittella’ r-raba’ edizzjoni ta’ Porkilicious: inizjattiva li tgħaqqad il-gastronomija u s-sostenibbiltà tal-ikel mal-appoġġ għall-Malta Community Chest Fund

PR261991

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT  “L-intelliġenza artifiċjali għandha tkun għodda mħaddma tajjeb, filwaqt li qatt ma tista’ tieħu r-rwol fundamentali tal-edukaturi” – Il-Ministru Byron Camilleri fi Brussell

PR261990

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT “L-intelliġenza arti...

More Press Releases Right arrow