Left arrow Go Back

STQARRIJA TAL-MINISTERU TAS-SAHHA - Jiżdiedu s-servizzi tas-saħħa - Il-Kap tal-Oppożizzjoni jitkellem dwar is-saħħa u jgħid affarijiet li m’humiex minnhom

PR0498
Date Icon 21/03/2010

Jiżdiedu s-servizzi tas-saħħa - Il-Kap tal-Oppożizzjoni jitkellem dwar is-saħħa u jgħid affarijiet li m’humiex minnhom

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Joseph Muscat ikkwota ħażin lill-Ministru tas-Saħħa, l-Anzjani u l-Kura fil-Komunita’ Joseph Cassar u, b’konsegwenza, ta raġunijiet żbaljati meta tkellem dwar l-operazzjonijiet li qed isiru u l-waiting lists għall-operazzjonijiet.

Is-sena li għaddiet saru 39,000 operazzjoni fl-isptar Mater Dei.  Dan ifisser li l-operazzjonijiet żdiedu b’6,000 fuq dawk li saru fl-aħħar sena tal-isptar San Luqa.  Fl-Isptar Mater Dei qed isiru aktar operazzjonijiet, inkluż is-Sibtijiet u l-Ħdud.  Il-Gvern għal din is-sena żdied il-fondi allokati għall-operazzjonijiet b’€4 miljun oħra biex ikomplu jitnaqqsu aktar il-waiting lists.  Biex jinqatgħu aktar il-listi ta’ stennija, qed jintużaw aktar teatri tal-operazzjonijiet.  Fejn kien meħtieġ inżammu wkoll konsulenti li laħqu l-eta’ tal-irtirar biex ikomplu jagħtu s-servizz tagħhom fl-isptar.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Joseph Muscat kien żbaljat u rraporta ħażin dak li qal il-Ministru tas-Saħħa dwar l-operazzjonijiet tal-ortopedija.  Mhux veru dak li qal Joseph Muscat li l-waiting lists tal-ortopedija tnaqqsu b’49% għaliex dawk “li kienu qed jistennew li jagħmlu operazzjoni laħqu għamluha privat”.  Il-Ministru tas-Saħħa qatt ma qal dan id-diskors.  Il-konklużjoni tal-Kap tal-Oppożizzjoni hi żbaljata għaliex flok Joseph Muscat ifittex il-fatti, ifittex li jeżaġera.

Il-Ministru tas-Saħħa din il-ġimgħa spjega li filwaqt li qed isiru aktar operazzjonijiet, fl-isptar Mater Dei inbeda proċess ta’ analiżi ta’ dawk il-persuni li isimhom qiegħed fuq waiting list.  Mill-analiżi li qed issir qed jirriżulta li jkun hemm pazjenti li jkunu qed jistennew li jagħmlu l-istess operazzjoni taħt aktar minn konsulent wieħed.  Dan jissarraf f’ammont ta’ nies li isimhom jidher aktar minn darba għall-istess operazzjoni.  B’hekk billi kien ikun hemm dawn l-ismijiet taħt aktar minn konsulent wieħed, anki meta operazzjoni tkun saret, l-isem tal-persuna ma kienx jinqata’ minn taħt il-konsulenti kollha.  Fil-listi instab ukoll li kien hemm persuni mejta li kienu diġa għamlu l-operazzjoni, għand konsulenti oħra.  L-analiżi qed issir biex il-waiting lists jirriflettu r-realta’.Għalhekk dak li rraporta l-Kap tal-Oppożizzjoni hu żbaljat.

Is-servizzi tas-saħħa qed jiżdiedu.  Qed jingħataw aktar mediċini b’xejn.  Qed isiru aktar eżamijiet mediċi.  Fid-Dipartiment tal-Patoloġija biss saru 4,858,998 test; li jfisser aktar minn 13,300 test kuljum.  Il-mediċini li ngħataw fl-2009 laħħqu t-€22 miljun li jfisser żieda ta’ 6.4%.  Din iż-żieda hi riżultat ta’ aktar mediċini fosthom Herceptin u mediċini oħra għal kura tal-kanċer; u aktar nies jibbenefikaw minn mediċini b’xejn.

Dwar il-kura tal-kanċer, se jinbena ċentru ġdid tal-onkoloġija li se jkun fih aktar sodod milli hemm bħalissa fl-Isptar Paul Boffa.  Inxtara linear accelerator ġdid.  Is-sena li għaddiet il-Gvern fetaħ Ċentru għall-iscreening tal-kanċer tas-sider b’investiment ta’ €1,600,000. L-investiment biex isiru t-testijiet b’xejn fuq in-nisa hu ta’ nofs miljun ewro fis-sena.  L-impenn tal-Gvern hu li jkompli joffri l-aħjar servizzi tas-saħħa b’xejn.

Il-Ministeru tas-Saħħa jappella lil Joseph Muscat biex ma jagħmilx mis-saħħa ballun politiku.  Jappella wkoll lill-Kap tal-Oppożizzjoni biex ma jgħidx affarijiet żbaljati li la jkunu ntqalu u lanqas ikunu veri.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL  Tittella’ r-raba’ edizzjoni ta’ Porkilicious: inizjattiva li tgħaqqad il-gastronomija u s-sostenibbiltà tal-ikel mal-appoġġ għall-Malta Community Chest Fund

PR261991

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT  “L-intelliġenza artifiċjali għandha tkun għodda mħaddma tajjeb, filwaqt li qatt ma tista’ tieħu r-rwol fundamentali tal-edukaturi” – Il-Ministru Byron Camilleri fi Brussell

PR261990

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT “L-intelliġenza arti...

More Press Releases Right arrow