27 Kunsill Lokali jibbenefikaw mill-Iskema ta’ Inċentivi Sportivi
Sebgħa u għoxrin Kunsill Lokali se jkunu qed jorganizzaw madwar 140 attività sportiva, grazzi għal skema ta’ inċentivi sportivi mnedija mis-Segretarjat Parlamentari għall-Kunsilli Lokali, flimkien mas-Segretarjat Parlamentari għaż-Żgħażagħ u l-Isport. Permezz ta’ din l-iskema annwali, il-Kunsilli Lokali qed jiġu mħeġġa jorganizzaw iżjed attivitajiet sportivi fil-lokalitajiet tagħhom. Din l-iskema tagħti l-opportunità lill-Kunsilli Lokali jaħdmu fil-qrib mal-Kunsill Malti għall-Isport sabiex iħajru iżjed attivitajiet sportivi fil-lokalitajiet.
F’ċerimonja li saret fl-Iskola Primarja ta’ San Bastjan f’Ħal Qormi, is-Segretarju Parlamentari Chris Said u s-Segretarju Parlamentari Clyde Puli qassmu l-kuntratti lir-rappreżentanti tal-Kunsilli Lokali.
Is-Segretarju Parlamentari Chris Said tkellem dwar l-importanza ta’ kollaborazzjoni bejn il-Kunsilli Lokali u entitajiet f’diversi oqsma, fosthom l-isport. Chris Said enfasizza l-importanza tar-rwol tal-Kunsilli Lokali fejn jidħlu faċilitajiet sportivi għall-komunità u qal li l-inizjattivi għandhom jolqtu aspetti diversi, bħal: parteċipazzjoni akbar fl-isport għar-residenti u opportunità ta’ aċċess għal kulħadd għal faċilitajiet sportivi għat-tfal, zgħazagħ u adulti.
Min-naħa tiegħu, s-Segretarju Parlamentari Clyde Puli qal li din l-iskema qed issir b’investiment ta’ kważi €120,000 li minnhom il-Gvern se jkun qed iħallas nofs is-somma. Hu semma kif b’kollox fil-lokalitajiet, se jkunu qed jittellgħu total ta’ 138 attività sportiva, żieda ta’ 54 meta mqabbel mas-sena li għaddiet. Fost oħrajn se jkun hemm enfasi fuq programmi biex it-tfal jipprattikaw iżjed sport u eżerċizzju fiziku.
Preżenti għal din l-attività kien hemm ukoll rapprezentanti tal-Kunsilli Lokali, rappreżentanti tad-Dipartiment tal-Kunsilli Lokali, rappreżentanta tal-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali, kif ukoll il-Kap Eżekuttiv tal-Kunsill Malti għall-Isport, is-Sur Joe Cassar.
Other Press Releases:
PR261991
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL ...
PR261990