Left arrow Go Back

LEJN L-IŻVILUPP TA’ GŻIRA EKOLOĠIKA LI TOĦLOQ AKTAR XOGĦOL

PR0489
Date Icon 18/03/2010

Waqt konferenza ta’ l-aħbarijiet li saret fil-limiti tat-Triq Ta’ Pinu, il-Ministru ghal Għawdex, l-Onor. Giovanna Debono elenkat dettalji dwar it-Tieni Sena ta’ Ħidma tal-Ministeru għal Għawdex f’din il-leġiżlatura.

Il-Ministru Debono fissret kif il-ħidma prinċipali kienet riflessa fil-konklużjoni tal-proċess ta’ konsultazzjoni pubblika wiesgħa dwar il-viżjoni eko-Għawdex li ġġenera djalogu kostruttiv u li permezz tiegħu tħejja pjan ta’ azzjoni fir-rigward ta’ l-implimentazzjoni ta’ din il-viżjoni. ‘’Minkejja l-ħidma relatata ma’ eko-Għawdex, il-Ministeru għal Għawdex kompla wkoll b’ħidma li titratta l-oqsma soċjo-ekonomiċi kollha li jolqtu lil dawk kollha li jgħixu jew iżuru l-gżira ta’ Għawdex,” żiedet tgħid il-Ministru Debono.

Il-Ministru spjegat kif il-viżjoni eko-Għawdex saħħet l-għan ewlieni tal-ħidma tal-Ministeru għal Għawdex li tfittex li tħares l-interessi speċifiċi tal-gżira ta’ Għawdex billi tippromwovi titjib kontinwu fl-iżvilupp ekonomiku, soċjali u kulturali filwaqt li tipproteġi l-ambjent naturali u l-identità tal-gżira. Ma’ dawn żdied l-element tas-sostenibiltà li jsaħħaħ l-impenn biex tkompli tiġi mtejba l-kwalità tal-ħajja f’Għawdex, imma fl-istess waqt jiġu priservati l-karatteristiċi uniċi li jagħtu identità distinta lil gżira.

Fost il-ħidma li twettqet matul l-aħħar tnax-il xahar il-Ministru Giovanna Debono semmiet żewġ proġetti li t-tnejn ġew inawgurati mill-Prim Ministru l-Onor Lawrence Gonzi. Wieħed kien iċ-ċentru Santa Marta li jaqdi l-funzjoni ta’ ċentru għal matul il-jum għall-persuni adulti b’diżabilità f’Għawdex. F’dan iċ-ċentru twaqqaf ukoll one-stop-shop li jiffaċilita s-servizzi fil-qasam tad-diżabilità minn post wieħed li hu wkoll post modern fiċ-ċentru tal-komunità. Proġett ieħor kien il-ftuħ uffiċċjali ta’ l-Istitut għal Studji Turistiċi li twettaq permezz ta’ ko-finanzjament ta’ aktar minn €1.8m minn fondi ewropej. Bħalissa aktar minn 70 student qed jattendu korsijiet part-time jew full-time f’dan l-istitut li għandu l-għan li jsaħħaħ il-kwalità tas-servizzi turistiċi biex tilħaq mad-domanda tas-settur turistiku, li hu ġeneratur ewlieni ta’ impjiegi fis-settur privat f’Għawdex.

Il-Ministru għal Għawdex fissret ukoll kif l-insularità doppja ta’ Għawdex tippreżenta sfidi partikolari fil-qasam ta’ l-impjiegi. Minkejja dan, l-impenn tal-Ministeru u l-appoġġ tal-Gvern permezz ta’ inċentivi u skemi oħra, wassal biex din is-sena fetħet fabbrika li timmanifattura cards elettroniċi filwaqt li fil-budget 2010 tħabbru inċentivi li jagħtu ‘diskriminazzjoni pożittiva’ fir-rigward ta’ intrapriżi żgħar jew persuni li jaħdmu għal rashom. Fl-istess waqt ġiet ko-ordinata ħidma biex ħaddiema ingħataw taħriġ sabiex itejbu l-kompetenzi tagħhom minflok li jitnaqqsulhom il-ħinijiet tax-xogħol. “Minkejja l-isfidi xejn sbieħ li ddominaw ix-xenarju fil-qasam ekonomiku internazzjonali, ħdimna u investejna b’għaqal biex ġew protetti oqsma relatati mal-qasam tax-xogħol ankè fil-gżira ta’ Għawdex”, kompliet tgħid il-Ministru Debono.

Hija kompliet tispjega kif il-ħidma fir-rigward ta’ eko-Għawdex wasslet biex ġie formulat dokument b’aktar minn 800 proposta li minnu ġew magħżula 80. Dawn it-80 proposta ġew ippublikati fi pjan ta’ azzjoni li kien preżentat flimkien mal-budget 2010 u li serva bħala bażi għall-allokazzjoni ta’ €25 miljun fir-rigward ta’ proġetti relatati mal-viżjoni eko-Għawdex fit-tliet snin li ġejjin.

Fost il-ħidma li twettqet f’dan il-kuntest il-Ministru semmiet inizjattivi marbuta mal-qasam edukattiv, dak agrikolu, ambjentali u dak ta’ l-enerġija alternattiva. Ħabbret li twaqqaf kumitat bejn il-Ministeru għal Għawdex u l-Università ta’ Malta biex jitfassal pjan li jbiddel il-Farm tal-Gvern fix-Xewkija f’Ċentru ta’ Riċerka, Żvilupp u Innovazzjoni Agrikola.

Sar studju preliminari biex jiġu identifikati sistemi ta’ enerġija rinovabbli li jistgħu jintużaw f’Għawdex filwaqt li kien hemm diskussjonijiet ma’ kumpaniji barranin li wrew interess li jinvestu f’dan il-qasam f’Għawdex. Ingħata bidu għal energy audit li ser iwassal biex isir proġett kollettiv li jirriżulta fl-istallazzjoni ta’ pannelli fotovoltajiċi fuq il-bjut ta’ l-iskejjel u bini pubbliku ieħor f’Għawdex. Dan minbarra l-iskema dwar is-sistemi ta’ solar water heaters li l-Gvern estenda għar-residenzi kollha f’Għawdex.

Żewġ proġetti li mistennija jindirizzaw l-erożjoni tal-ħamrija u l-ħażna ta’ l-ilma huma l-pjan ta’ afforestazzjoni, dak dwar it-tindif u r-rijabilitazzjoni ta’ 30 ilqugħ naturali ta’ l-ilma flimkien mal-possibiltà li l-ilma trattat fl-impjant għat-trattament tad-drenaġġ jibda jintuża bħala second class water għal skopijiet agrikoli.

Proġett li saret ħidma preparatorja fuqu huwa dak ta’ bini ta’ pixxina u faċilitajiet sportivi oħra li ser ikomplu jtejbu l-faċilitajiet sportivi f’dan il-kumpless li fih għadu kif ġie inawgurat ukoll gym ġdid. ‘Minbarra li ttejjeb is-servizzi lil komunità Għawdxija, din il-ħidma tissarraf ukoll f’titjib tal-prodott turistiku Għawdxi bit-tisħiħ tal-potenzjal li Għawdex jattira niċeċ turistiċi partikolari’, żiedet tgħid il-Ministru Debono.

Il-prodott turistiku fir-rigward tal-patrimonju storiku Għawdxi kompla jiġi msaħħaħ permezz ta’ xogħol ta’ restawr fuq is-swar taċ-Ċittadella u t-tħejjija ta’ Masterplan dettaljat dwar dan is-sit storiku uniku. Ġie mħabbar id-disinn għal bini ta’ interpretation centre għat-tempji tal-Ġgantija u sar xogħol ta’ restawr fil-kappella ta’ Santa Ċeċilja. Din is-sena fissret ukoll li erba’ cruiseliners, li wieħed minnhom kien qed iġorr madwar 1300 persuna, waqfu qrib Għawdex.

Il-Ministeru għal Għawdex jikkoordina ħidma ma’ operaturi ta’ dan it-tip ta’ turiżmu biex Għawdex igawdi wkoll minn dan is-settur. Ħidma oħra hija relatata ma’ l-organizzazzjoni ta’ attivitajiet li jattiraw turisti mis-suq domestiku fosthom dik ta’ Lejlet Lapsi-Notte Gozitana.

Il-Ministru tat ukoll dettalji tal-ħidma tad-diversi direttorati fil-Ministeru għal Għawdex li jikkoordinaw ħidma f’oqsma bħal m’hi l-edukazzjoni, is-saħħa, l-agrikoltura, u l-infrastruttura. Semmiet kif din il-ħidma wasslet f’riżultati pożittivi li tejbu s-servizzi fl-oqsma kollha. Għamlet referenza għall-bini ta’ l-iskola sekondarja ġdida tas-subien, il-proġetti finanzjati minn fondi ewropej speċjalment it-twaqqif ta’ taqsima tar-radjoloġija u servizzi oħra fl-isptar ġenerali ta’ Għawdex, il-bini tat-Triq Ta’ Pinu li miexi b’rittmu mgħaġġel u proġetti oħra. Fit-tieni sena ħidma sar ukoll xogħol preparatorju biex isiru proġetti estensivi għat-tisbiħ fl-inħawi ta’ Marsalforn, ix-Xlendi u ż-Żewwieqa.

Il-Ministru temmet tgħid li dak li hemm ippjanat għat-tielet sena ħidma ser iżid l-impenn fir-rigward tal-ħarsien tax-xogħol filwaqt li jżid l-inizjattivi għal opportunitajiet ġodda ta’ xogħol fil-gżira ta’ Għawdex.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL  Tittella’ r-raba’ edizzjoni ta’ Porkilicious: inizjattiva li tgħaqqad il-gastronomija u s-sostenibbiltà tal-ikel mal-appoġġ għall-Malta Community Chest Fund

PR261991

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT  “L-intelliġenza artifiċjali għandha tkun għodda mħaddma tajjeb, filwaqt li qatt ma tista’ tieħu r-rwol fundamentali tal-edukaturi” – Il-Ministru Byron Camilleri fi Brussell

PR261990

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT “L-intelliġenza arti...

More Press Releases Right arrow