IS-SERVIZZ TAL-HANDYMAN
IS-SERVIZZ TAL-HANDYMAN
Fl-2009, 1,289 anzjan u anzjana għamlu użu mis-Servizz tal-Handyman li jiġi offrut mid-Dipartiment għall-Anzjani u Kura fil-Komunità. Dan fisser żieda ta’ 1.9% mill-2008.
L-iskop tas-servizz hu dak li jgħin lill-anzjani u persuni b’diżabilità biex ikomplu jgħixu b’mod indipendenti fi djarhom. Biex jintlaħaq dan il-għan, l-anzjani u l-persuni b’diżabilità li jkollhom bżonn ta’ titjib u tiswija fid-djar tagħhom jiġu pprovduti b’pariri u għajnuna.
Is-Servizz tal-Handyman joffri firxa wiesgħa ta’ madwar sebgħin xogħol differenti ta’ tiswija. Dawn ix-xogħlijiet ivarjaw minn tiswijiet tal-elettriku, xogħol tal-injam u ġarr ta’ oġġetti fost servizzi oħra. Is-servizz jingħata bi ħlas lill-anzjani filwaqt li bla ħlas lil dawk il-pensjonanti li għandhom il-Karta r-Roża. Persuni li huma rreġistrati bħala persuna b’diżabilità u li qegħdin jgħixu weħidhom jistgħu jagħmlu użu wkoll minn dan is-servizz.
Is-Segretarjat għall-Anzjani u Kura fil-Komunità jinnota bi pjaċir li l-użu ta’ dan is-servizz qiegħed jiżdied. Is-Segretarjat jirringrazzja lill-ħaddiema li ta’ kuljum joffru dan is-servizz lill-anzjani u l-persuni b’diżabilità.
Other Press Releases:
PR261991
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL ...
PR261990