PROĠETT TA’ TISBIĦ TAL-GROUND TAL-FOOTBALL T’GĦAWDE
Proġett ta’ tisbiħ tal-Ground prinċipali tal-Football f’Għawdex kien inawgurat mill-Ministru għal Għawdex, l-Onor. Giovanna Debono u mill-Ministru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment, l-Onor. Tonio Fenech waqt ċerimonja fl-istess kumpless.
Dan il-proġett kien megħjun b’kontribuzzjoni ta’ €52,500 mill-Fond għall-Kawżi Ġusti, u ġie megħjjun u kkoordinat mill-Ministeru għal Għawdex flimkien mal-Gozo Football Association, bl-għajnuna tal-Kunsill Malti għall-Isport u l-Malta Football Association. Permezz tiegħu ġew miżjuda l-faċilitajiet, fosthom dressing rooms ġodda, faċilitajiet għall-istampa u twaqqaf uffiċċju tal-Kunsill Malti għall-Isport fil-ground prinċipali ta’ Għawdex.
Waqt l-inawgurazzjoni ta’ dan il-proġett, l-Onor. Giovanna Debono, Ministru għal Għawdex faħħret l-inizjattiva tal-Gozo Football Association, filwaqt li rringrazzjat lil dawk kollha li kkontribwew jew b’xi mod għenu fix-xogħlijiet. Hija spjegat kif il-faċilitajiet sportivi fil-Gozo Stadium ingħataw attenzjoni kontinwa biex b’hekk ikun jista’ jgħola l-livell tal-logħob f’livell lokali.
Hija semmiet ukoll dixxiplini sportivi oħra li qed jingħataw attenzjoni minn naħa tal-Ministeru għal Għawdex, fosthom l-identifikazzjoni ta’ siti li jattiraw dilettanti tat-tixbit, kif ukoll il-bini ta’ pixxina biswit il-Kumpless Sportiv t’Għawdex. Il-Ministru semmiet kif dan l-aħħar żdiedu l-faċilitajiet f’dan il-kumpless permezz ta’ gym ġdid li joffri attrezzatura u faċilitajiet moderni.
Il-Ministru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment, l-Onor. Tonio Fenech iddeskriva din l-għajnuna bħala prova ta’ l-impenn tal-Gvern li jgħin lill-għaqdiet sportivi biex ikollhom faċilitajiet ta’ l-aqwa kwalità li jippermetti l-iżvilupp sħiħ tal-karattru tat-tfal u ż-żgħażagħ. Huwa spjega li dan huwa wkoll investiment f’pajjiżna: infrastruttura ta’ dan il-kwalità jkompli jsebbaħ dak li naraw madwarna. Faċilitajiet ta’ kwalità, ankè fil-qasam sportiv jistgħu jgħinu lil Għawdex biex jattira aktar turiżmu ta’ kwalità.
Other Press Releases:
PR261991
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL ...
PR261990