KONVENZJONI GĦALL-MALTIN TA’ BARRA - PROPOSTI MILL-MINISTERU TAL-EDUKAZZJONI, XOGĦOL U L-FAMILJA
Il-Ministeru tal-Edukazzjoni, Xogħol u l-Familja hu konxju li ħafna drabi il-Maltin li jgħixu f’artijiet barranin iħossuhom maqtugħa minn art twelidhom. Minħabba ċ-ċirkostanzi u l-ambjent li qed jgħixu fih ta’ kuljum, ir-rabta tagħhom ma’ Malta u Għawdex u ma’ dak li hu Malti xi ftit tbatti u tnaqqas mill-intensita’ tagħha.
Għalhekk, il-Ministeru jappoġġja bis-sħiħ din il-Konvenzjoni għax hi inizjattiva oħra maħsuba biex ir-rabta bejn il-gżejjer tagħna u l-aħwa mxerrdin mad-dinja tibqa’ ħajja u soda kemm jista’ jkun.
Nixtieq nuri wkoll l-apprezzament tiegħi lill-Kummissjoni Emigranti, mhux biss għall-ħidma siewja li għal tul ta’ snin ilha tagħti lil ħutna l-emigranti Maltin imma wkoll għall-inizjattiva li qed tieħu bħalissa, bit-twaqqif ta’ Mużew tal-Migrazzjoni. Nappella lil kulmin għandu xi dokumenti jew affarijiet li jagħmel sens li jkunu f’dan il-mużew, biex ikun ġeneruż ma’ pajjiżna u l-istorja tagħna billi joffri dawn l-affarijiet biex ikunu esibiti f’dan il-mużew.
Ilkoll nafu li hemm numru ta’ Maltin li jgħixu fi New Zealand. Hemm ukoll għandna komunita’ ħabrieka ħafna li ilha tistinka u taħdem favur il-komunita’ Maltija. F’dan ir-rigward għandi l-pjaċir inħabbar li d-Direttur tas-Servizzi Soċjali qiegħed fil-fażi konklussiva biex ikun iffirmat ftehim reċiproku mal-awtoritajiet ta’ New Zealand dwar is-Sigurta’ Soċjali li permezz tiegħu għandhom jibbenefikaw numru ta’ Maltin li emigraw lejn dak il-pajjiż.
Ulied il-Maltin fl-Awstralja, il-Kanada, l-Istati Uniti, l-Ingilterra u diversi pajjiżi oħra fejn il-ġens Malti jinsab mifrux, u aktar u aktar in-neputijiet tagħhom, li fil-parti l-kbira tagħhom twieldu f’art barranija, filwaqt li anke mbuttati mill-ġenituri jew nanniet tagħhom ifittxu li jibqgħu jgħożżu dak li hu Malti, bħalma hi l-lingwa, drawwiet u tradizzjonijiet, isibu l-forzi li huma mdawwrin bihom ifixkluhom milli jżommu din ir-rabta.
Hu fatt magħruf li ħafna Maltin tat-tieni u t-tielet ġenerazzjoni, li jgħixu f’artijiet barranin, huma għatxana biex iżommu u jitgħallmu l-lingwa Maltija, iżda jsibuha diffiċli li jagħmlu dan. L-Għaqdiet tal-Maltin u l-iskejjel tal-Malti – fejn jeżistu – qed jagħmlu xogħol importanti ħafna biex itaffu dan l-għatx. Iżda l-isforzi ġenwini tagħhom m’humiex biżżejjed.
Għalhekk, il-Ministeru tal-Edukazzjoni, Xogħol u l-Familja, fi ħsiebu jieħu inizjattivi mmirati biex jgħinu lill-Maltin ta’ barra, jitgħallmu l-Malti u jżommu ħajja d-drawwiet u t-tradizzjonijiet Maltin.
Għal dan l-iskop, il-Ministeru qed jipproponi li:
1. Joffri 5 Boroż ta’ Studju kull sena lill-Maltin tal-ewwel, it-tieni jew it-tielet ġenerazzjoni, lijgħixu barra minn Malta u li jkollhom il-kwalifiki meħtieġa, biex jattendu kors fl-Universita’ ta’ Malta, li jwassal għal Baċellerat fl-Edukazzjoni bi speċjalizzazzjoni fil-Malti.
Dawn il-Boroż ta’ Studju jkunu jkopru il-ħlas għat-tagħlim fl-Universita’ ta’ Malta u ħlas tal-istess stipendju li jieħdu studenti Maltin li jattendu l-Universita’ għall-istess korsijiet. L-istudenti magħżula jridu jaħsbu huma għall-akkomodazzjoni li ma għandix tkun ħaġa diffiċli billi probabbilment għandhom xi qraba u ħbieb jgħixu f’Malta li jistgħu jilqugħom kemm idumu jistudjaw f’Malta.
2. Iħajjar għalliema tal-Malti biex imorru jgħallmu l-Malti f’pajjiżi fejn hemm jgħixu Maltin u li għandhom l-istrutturi meħtieġa fejn jista’ jsir dan it-tagħlim. Il-Gvern joffri pakkett ta’ inċentivi biex ikun hemm għalliema li jitħajjru jidħlu għal dan l-impenn.
3. Bl-għajnuna tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti, l-Universita’ ta’ Malta u d-Dipartiment għall-Iżvilupp tal-Kurrikulu tad-Direttorati tal-Edukazzjoni, jkunu żviluppati produzzjonijiet awdjo-viżivi dwar il-lingwa Maltija u kif din għandha tiġi mgħallma, liema produzzjonijiet jitqassmu fl-iskejjel u għaqdiet tal-Maltin barra minn Malta.
4. Kotba bil-Malti li għandhom valur letterarju, kulturali jew folkloristiku jinqaraw u jkunu rekordjati, u possibbilment anke animati jew illustrati, li jintbagħtu lil skejjel jew Għaqdiet tal-Maltin barra minn Malta biex tinżamm ħajja l-imħabba għall-ktieb u l-kitba Maltija.
5. Isir użu aħjar mit-teknoloġija tal-informatika biex ikunu jista’ jsir tagħlim mill-bogħod (distance learning) tal-lingwa Maltija ma’ u lejn dawk il-pajjiżi li juru interess fit-tagħlim tal-Malti.
6. Il-Ministeru jimpenja ruħu li kull sena jibgħat almenu ħames pubblikazzjonijiet bil-Malti lill-iskejjel u l-Għaqdiet tal-Maltin barra minn Malta.
7. Fir-reviżjoni tal-Kurrikulu Nazzjonli li qed issir bħalissa tingħata konsiderazzjoni għall-introduzzjoni għall-istorja tal-Migrazzjoni minn Malta fis-suġġett tal-Istorja.
8. Il-Ministeru jinsisti mal-Universita’ biex tistudja l-possibbilta’ li f’xi kors offrut mill-Fakulta’ tal-Arti jkun hemm credit għall-istudju dwar l-istorja tal-Migrazzjoni minn Malta.
9. Permezz tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb il-Ministeru jgħin biex jittaffew l-ispejjeż tat-traġitt ta’ kotba minn pubblikaturi Maltin destinati għall-pajjiżi barranin kemm il-darba jsiru arranġamenti biex dawn il-kotba jintbagħtu flimkien wara li jkunu nġabru ordnijiet sostanzjali minn pubblikaturi Maltin.
Il-Ministeru jkun lest li jikkunsidra proposti oħra li jistgħu jsiru biex ikun assigurat li l-lingwa u t-tradizzjonijiet Maltin jibqgħu ħajja fost il-komunitajiet tal-Maltin li jgħixu barra minn Malta.
Other Press Releases:
PR261991
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL ...
PR261990