PROGRAMM ĠDID DWAR PRATTIĊI U IKEL TAJJEB GĦAS-SAĦĦA FL-ITS F’GĦAWDEX
L-Istitut għall-Istudji Turistiċi (ITS) fil-Qala, b’kollaborazzjoni ma’ Eko-Għawdex, għadu kif nieda programm ġdid dwar prattiċi sani u ikel tajjeb għas-saħħa, għal studenti li jattendu r-raba’ klassi fl-iskejjel sekondarji ta’ Għawdex.
F’dawn is-sessjonijiet, li qed isiru darbtejn f’ġimgħa għal gruppi differenti ta’ studenti subien u bniet, qed tingħata informazzjoni dwar l-istitut innifsu u l-korsijiet li joffri, kif ukoll dwar prattiċi tajbin għas-saħħa b’mod partikolari dawk marbuta mal-iġjene personali u l-ikel. Il-parteċipanti qed ikollhom l-opportunità ta’ hands on experience fejn flimkien mal-għalliema jippreparaw ikel li huwa tajjeb għas-saħħa. Waqt is-sessjonijiet, il-koki jispjegaw lill-istudenti dwar metodi ta’ tisjir u menus b’għażla ta’ ingredjenti sustanzjużi.
Il-Ministru għal Għawdex l-Onor. Giovanna Debono żaret l-ITS waqt waħda minn dawn is-sessjonijiet, fejn faħħret din l-inizjattiva li se tkun pożittiva kemm fir-rigward tal-viżjoni tal-gvern li jagħmel minn Għawdex gżira ekoloġika, kif ukoll għall-istudenti li waslu f’fażi fejn jistgħu jiddeċiedu l-karriera għall-futur tagħhom. Il-Ministru Debono spjegat kif il-programm ta’ azzjoni dwar il-viżjoni eko-Għawdex ifittex li jkabbar l-għarfien dwar prattiċi tajbin għas-saħħa biex ikun jista’ jintlaħaq l-għan li tiġi mtejba l-kwalità tal-ħajja f’Għawdex.
L-istitut għall-Istudji Turistiċi, li ġie inawgurat f’Mejju tal-2009, joffri faċilitajiet moderni li jippermettu hands-on training kemm permezz ta’ units individwali waqt il-preparazzjoni ta’ l-ikel, kif ukoll permezz ta’ faċilitajiet oħra bħal laboratorju tal-kompjuter, ristorant u training hotel.
Bħalissa f’dan l-istitut qed jattendu 30 student għal korsijiet full-time u 32 student għal korsijiet part-time. Il-korsijiet jinkludu fost l-oħrajn dawk fil-Preparazzjoni tal-Ikel, is-servizz tal-ikel u x-xorb, iġjene fl-ikel, u inbid.Matul din is-sena, dan l-istitut, li jinkorpora wkoll training hotel, offra akkomodazzjoni lil 35 persuna.
Fil-ġimgħat li ġejjin mistenni jibda jittella’ programm televiżiv ta’ riċetti Maltin bil-parteċipazzjoni ta’ studenti minn dan l-istitut. L-istess studenti se jkunu qed isajru u jqassmu l-paella flimkien ma’ torot tal-ġbejniet li sajru huma stess, waqt l-attività tas-Sagra ta’ San Girgor, li se tkun organizzata fir-raħal ta’ Kerċem bejn illum, 12 ta’ Marzu sal-Ħadd 14 ta’ Marzu.
Other Press Releases:
PR261991
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL ...
PR261990