Left arrow Go Back

ŻJARAT TA’ KORTESIJA LIL MR SPEAKER

PR0441
Date Icon 12/03/2010

Dalgħodu, żewġ Ambaxxaturi ġodda akkreditati għal Malta għamlu żjarat ta’ kortesija lill-iSpeaker tal-Kamra tar-Rapprezentanti, l-Onor. Dr. Louis Galea, fl-Uffiċċju tiegħu fil-Parlament.

L-E.T. Mohd Zulkephli Bin Mohd Noor, Kummissarju Għoli tal-Malasja għal Malta, jinsab stazzjonat fi Tripli. Huwa stqarr ma’ l-iSpeaker li kien laqa’ bil-ferħ l-akkreditazzjoni tiegħu għal Malta għaliex, bħala żewġ pajjiżi li huma attivi ħafna kemm fi ħdan il-Commonwealth kif ukoll fil-Ġnus Magħquda, il-Malasja u Malta jsibu l-affjatament meħtieġ sabiex isaħħu dejjem iżjed ir-relazzjonijiet diplomatiċi ta’ bejniethom, li jmorru lura mal-ħamsa u tletin sena.

L-iSpeaker l-Onor. Louis Galea għamel aċċenn għall-fatt li, filwaqt li l-Malasja tinsab ġeografikament ‘il bogħod mill-Ewropa u mill-Afrika, kumpaniji Malasjani jistgħu jħossuhom żvantaġġjati minħabba d-distanza meta jkunu jridu jwasslu fil-ħin il-prodotti taghħom fis-swieq tal-Mediterran u tal-Ewropa. Malta tinsab f’qagħda ideali sabiex tgħin lil dawk il-kumpaniji Malasjani li jkunu jixtiequ jużaw lil pajjiżna bħala bażi għall-operazzjonijiet taghħom. F’dan il-kuntest, il-Kummissarju Għoli Malasjan ikkummenta dwar ix-xewqa tiegħu li joktru t-titjiriet li jwasslu l-Malasjani biex isiru jafu aktar dwar Malta, u biex Maltin li joqogħdu f’pajjiżi mbiegħda jkunu jistgħu iżuru lil gżiritna b’aktar kumdita’.

L-iSpeaker tal-Parlament Malti saħaq li hu jemmen li l-politiċi ta’ pajjiżi li jinsabu f’reġjuni differenti tad-dinja, meta jiltaqgħu bħal per eżempju f’laqgħat tal-Commonwealth, kapaċi jibnu ħbiberiji bejniethom li jwasslu lil hinn mill-fruntieri tal-pajjiżi nfushom. Anki fuq livell bilaterali, inizjattivi xprunati ‘l quddiem mill-Kummissarji Għoljin akkreditati għaż-żewġ pajjiżi rispettivament, jgħinu ħalli l-popli taż-żewġ naħat jagħrfu lil xulxin dejjem iżjed.

F’dan il-kuntest, issemma kemm l-istess Kummissarju Għoli Malti għall-Malasja, is-Sur John Rizzo Naudi, huwa magħruf sew fil-pajjiż Asjatiku minħabba l-konnessjonijiet mill-qrib li kellu tul il-karriera professjonali tiegħu mal-Malasja.

Matul il-laqgħa l-oħra li kellu mal-E.T. George Ney de Souza Fernandes, Ambaxxatur tal-Brażil għal Malta, l-iSpeaker Malti faħħar il-mod kif il-Brażil qiegħed jiżviluppa biex diġa’ qed jitqies bħala qawwa ekonomika ta’ ċertu mportanza fir-reġjun. Il-lum il-ġurnata l-pajjiż Sud Amerikan qed jagħmel isem għalih innifsu fl-oqsma tal-biedja, tal-enerġija, tal-industrija tas-servizzi u fit-teknoloġija avvanzata. Kif ġie irrimarkat dan l-aħħar, il-Brażil qiegħed kull ma jmur joħroġ dak il-potenzjal li kellu maħżun ġewwa fih għal dawn l-aħħar snin a benefiċċju anki tal-pajjiżi ta’ madwaru..

L-Ambaxxatur Brażiljan stqarr ma’ l-iSpeaker l-Onor. Louis Galea kemm jemmen bis-sħiħ illi l-Brażiljani, li ħafna minnhom bħalissa qegħdin iqattgħu l-vaganzi tagħhom fi Franza u l-Italja, jistgħu faċilment jestendu l-mawra tagħhom fl-Ewropa billi jżuru Malta, fejn hawn konċentrazzjoni unika ta’ storja, kulturi differenti, arti u patrimonju li ma jinstabu mkien iżjed fid-dinja.

Minn naħa tiegħu, l-iSpeaker l-Onor. Louis Galea fisser kif jista’ jkun hemm skambju regulari anki ta’ artisti u intellettwali bejn iż-żewġ pajjiżi, b’mod li l-Maltin jitgħallmu aktar dwar il-letteratura, il-mużika u l-arti tal-Brażil, u hekk jagħmlu wkoll il-Brażiljani dwar il-kultura Maltija.

L-Ambaxxatur Ney de Souza Fernandes ikkonferma illi huwa se jagħmel minn kollox sabiex jinħoloq dan il-pont artistiku bejn Malta u l-Brażil mill-aktar fis, u indika li saħansitra dan jista’ jseħħ qabel l-aħħar ta’ din is-sena stess.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL  Tittella’ r-raba’ edizzjoni ta’ Porkilicious: inizjattiva li tgħaqqad il-gastronomija u s-sostenibbiltà tal-ikel mal-appoġġ għall-Malta Community Chest Fund

PR261991

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT  “L-intelliġenza artifiċjali għandha tkun għodda mħaddma tajjeb, filwaqt li qatt ma tista’ tieħu r-rwol fundamentali tal-edukaturi” – Il-Ministru Byron Camilleri fi Brussell

PR261990

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT “L-intelliġenza arti...

More Press Releases Right arrow