WIRJA TA’ RITRATTI TA’ PITTURI TAL-KONTI AMADEO PREZIOSI FIL-MINISTERU TAL-AFFARIJIET BARRANIN
Fl-okkażjoni tal-Konvenzjoni tal-Maltin li Jgħixu Barra, li qed tiġi mtella’ mill-Ministeru tal-Affarijiet Barranin bejn l-14 u l-20 ta’ Marzu 2010, il-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin, l-Onor. Tonio Borg inawgura wirja ta’ ritratti ta’ uħud mill-pitturi tal-artist Malti, l-Konti Amadeo Preziosi. Din l-inawgurazzjoni saret illum fis-Sala Pardo, fil-Ministeru tal-Affarijiet, il-Belt Valletta. Din il-wirja hija miftuħa għall-pubbliku bla ħlas sat-18 ta’ Marzu 2010 u qed tiġi organizzata mis-Sur Reuben Gauci, uffiċjal fil-Ministeru.
Ix-xogħlijiet tal-Konti Preziosi ġew magħżula minħabba li Preziosi kien emigrant Malti li għamel żewġ terzi ta’ ħajtu jgħix f’Istanbul fit-Turkija fis-seklu dsatax. Il-Konti Vittorio Amadeo Preziosi twieled il-Belt Valletta fit-2 ta’ Diċembru 1816. Huwa rċieva l-ewwel taħriġ tiegħu mingħand l-Artist Malti Giuseppe Hyzler. Preziosi imbagħad mar Pariġi fejn studju fl-Ecole des Beaux Arts. F’dik il-ħabta, ir-Romantiċiżmu kien fl-aqwa tiegħu f’Pariġi u wieħed mill-friegħi ta’ dan il-moviment kien l-Orjentaliżmu.
Fit-28 ta’ Settembru 1842, Amadeo Preziosi ħalla Malta u baħħar lejn Istanbul fejn għex f’Istanbul għal erbgħin sena, u fejn miet fit-28 ta’ Settembru 1882. Huwa ħalla warajh numru kbir ta’ pitturi Orjentalisti.
Il-Ministeru tal-Affarijiet Barranin jixtieq jirringrazzja lil Photocity, tal-Belt Valletta għar-ritratti tal-pitturi. Il-Ministeru jixtieq jirringrazzja wkoll lil Bonhams Auctioneers ta’ Londra, Times of Malta, Kollezjoni ta’ Ömer Koç, Heritage Malta u Sphinx Fine Art ta’ Londra għall-permessi biex jiġu esebiti r-ritratti tal-pitturi.
Wara li l-esebizzjoni tispiċċa, ir-ritratti tal-pitturi ser jintbagħtu lil Ambaxxati u Konsulati Maltin.
Other Press Releases:
PR261991
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL ...
PR261990