STQARRIJA LILL-KAMRA TAR-RAPPREŻENTANTI MILL-PRIM MINISTRU, DR LAWRENCE GONZI
Mr Speaker,
Irrid ninforma l-Kamra li llum, il-Gvern Malti, kiteb lill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet Fundamentali mwaqqfa taħt il-Kunsill tal-Ewropa ġewwa Strasbourg sabiex jintervjeni fil-kawża fl-ismijet Lautsi vs Italja fl-applikazzjoni Numru 30814/06. F’din is-sentenza l-Qorti ddeċidiet li l-kurċifiss għandu jiġi maqlugħ mill-klassi tal-iskola fejn jattendu wlied is-Sinjura Lautsi.
Din il-Kamra żgur hi konxja tal-fatt li din is-sentenza ma torbotx lill-pajjiżna; però daqstant ieħor aħna lkoll konxji li l-eżitu finali ta’ din il-kawża jista’ jkollha effett legali wiesa’ aktar ′il quddiem.
Il-Gvern diġà ddikjara, anke f’dan il-Parlament, li huwa ma jaqbilx mal-kontenut u ma’ din id-deċiżjoni. Jidhirlu anzi, li hija kompletament żbaljata għal diversi raġunijiet.
Bħala linja ta’ prinċipju nħossu u nsostnu li pajjiż li jħaddan valuri u tradizzjonijiet għal sekli sħaħ ma għandux jiġi kostrett jibdilhom għax persuna waħda sabithom oġġezzjonabbli. Anzi d-dimensjonijiet soċjali u kulturali ta’ soċjetà għandhom jibqgħu jiġu rrispettati sakemm il-poplu li jgħix f’dawk l-istati jiddeċiedi. Qorti li tiddeċiedi mod ieħor turi li mhix daqshekk sensittiva għal dawn l-aspetti u tkun qed tieħu lilha nnifisha f’toroq li ma jidhrilniex li għandha taqbad.
Is-sekularizzazzjoni tal-istat li aħna wkoll nħaddnu u nħaddmu ma tfissirx li għandu jkollna liġijiet li huma bbażati fuq l-ateiżmu. Aħna nemmnu li hemm prinċipji etiċi fundamentali li jsawruna bħala soċjetà li mingħajrhom anke l-individwu jiftaqar u jsofri.
Żgur li m’ aħniex Stat teokratiku u ma rridux inkunu tali. Però dan fih innifsu ma jfissirx li ma għandniex pedament ta’ valuri li huma msawra u ispirati minn dawk insara.
Aħna ma nistħux mill-identità tagħna u nsostnu li għandna nasserixxu l-valuri tagħna b’mod ċar għax meta soċjetà titlef is-sens u s-sustanza li fuqhom hija mibnija, titlef lilha nnifisha.
Żgur li l-poplu Malti u Għawdxi fil-maġġoranza assoluta tiegħu ma jridx li s-salib li ilu jiġi mdendel fl-iskejjel u fl-istituzzjonijiet demokratiċi jiġi maqlugħ għax jħoss li hekk ikun qiegħed jitlef mill-identità tiegħu kif imsawra mill-valuri u l-memorja tiegħu.
Għalhekk issa, li t-talba għall-appell preżentata mill-Italja ġiet aċċettata minn dik il-Qorti fil-Grand Chamber tagħha, il-Gvern iqis li għandu jitlob lill-istess Qorti il-permess biex jintervjeni sabiex jagħti l-appoġġ tiegħu u fl-istess ħin iressaq l-argumenti legali neċessarji sabiex jgħin biex din id-deċiżjoni tinqaleb.
Other Press Releases:
PR261991
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL ...
PR261990