Left arrow Go Back

DISKORS MILL-ONOR. DOLORES CRISTINA, MINISTRU GĦALL-EDUKAZZJONI, XOGĦOL U L-FAMILJA, WAQT L-ATTIVITA’ LEARNING EXPO 2010 - SAN ĠILJAN - 9 TA’ MARZU 2010

PR0415
Date Icon 09/03/2010

L-iżvilupp ta’ pajjiżna jiddependi għal kollox fuq l-iżvilupp u l-kontribut tal-potenzjal ta’ kull ċittadin. L-iżvilupp tal-potenzjal taċ-ċittadin jitwettaq permezz ta’ sistema edukattiva ta’ kwalita’ u standards internazzjonali. Għalhekk il-Gvern qiegħed l-edukazzjoni u t-taħriġ bħala bażi fundamentali għat-tkabbir ekonomiku sostenibbli flimkien ma’ l-inklużjoni u l-koeżjoni soċjali.

Matul dawn l-aħħar għoxrin sena pajjiżna għamel qabżiet kbar fil-qasam edukattiv permezz ta’ riformi fundamentali f’kull qasam u livell li wasslu biex kabbru l-għadd ta’ studenti li jkomplu jistudjaw u jitħarrġu wara l-edukazzjoni obbligatorja kemm fil-qasam primarjament akkademiku kif ukoll fil-qasam professjonali u vokazzjonali.

L-għan ewlieni ta’ din il-Learning Expo, li qed tkun organizzata għall-ewwel darba, hu li tkun wirja ħajja u stimulanti ta’ l-opportunitajiet varji li l-pajjiż qed joffri lil kull min jixtieq ikompli jistudja u jitħarreġ biex jakkwista l-għerf, il-ħiliet u l-kompetenzi għal xogħol, flimkien ma’ karriera li tagħti sodisfazzjon personali lill-individwu, li tiġbed lejn pajjiżna investimenti ġodda u tkabbir ta’ investimenti eżistenti, u li tikkontribwixxi għall-iżvilupp ta’ l-ekonomija u t-tkattir tal-gid fil-pajjiż. B’hekk ukoll, pajjiżna jkun jiflaħ joffri l-aħjar sistema ta’ l-edukazzjoni u ta’ servizzi soċjali.

Qatt daqs illum ma kellna għażla daqshekk vasta ta’ korsijiet fil-livell post-sekondarju u terzjarju. Qatt daqs illum ma kellna firxa ta’ korsijiet f’kull livell u qasam ta’ edukazzjoni akkademika u taħriġ professjonali u vokazzjonali. Dan seta’ jiġri għaliex, għal aktar minn għoxrin sena, il-Gvern investa bil-qawwi fl-istituzzjonijiet edukattivi f’kull livell. Ittrasforma u aġġorna s-sistema edukattiv f’kull qasam u livell wara studji li saru minn professjonisti prattikanti flimkien ma’ akkademiċi, u wara konsultazzjonijiet vasti ma’ kull min kellu interess (stakeholders), inklużi l-ġenituri, l-industrija, il-kummerċ u s-servizzi, bil-għan li jkollna sistema edukattiv u ta’ taħriġ li mhux biss twassal ghall-akkwist ta’ kompetenzi, iżda wkoll li tissodisfa l-ħiliet meħtieġa mill-ekonomija li qed tinbidel b’pass imgħaġġel f’kompetizzjoni dinjija mingħajr rażan u bla fruntieri.

Irridu nfehmu u ninsistu li l-edukazzjoni obbligatorja twassal biss biex tagħti sisien fondamentali ta’ ħiliet bażiċi biex student jibni fuqu fil-livell ta’ edukazzjoni sekondarja ogħla u terzjarja, kemm akkademika, professjonali u vokazzjonali. Il-Gvern jirrikonoxxi l-importanza ta’ l-edukazzjoni obbligatorja. Anzi japprezza wkoll l-importanza ta’ l-edukazzjoni bikrija mhux biss fil-Kindergartens imma wkoll fiċ-Ċentri ta’ Edukazzjoni u Kura. Proprju għalhekk qegħdin nieħdu diversi miżuri biex nassikuraw li ebda student ma jtemm l-edukazzjoni obbligatorja mingħajr ma jkun akkwista l-ħiliet meħtieġa li permezz tagħhom ikun jista’ jkompli jisfrutta l-potenzjal tiegħu – biex uliedna jirnexxu lkoll. Irridu tfal li jaħsbu, li jħaddmu l-immaġinazzjoni, li jiddiskutu, li kapaċi jsolvu problemi, li jitgħallmu kif jitgħallmu weħidhom, li jaħdmu b’mod indipendenti, li jaħdmu f’team, li huma stimulati u kreattivi.

Il-Gvern qed jassikura li kull żagħżugħ u żagħżugħa jsib il-kors fil-qasam ta’ studju u taħriġ skond ix-xeħtiet tiegħu, skond l-aspirazzjonijiet tiegħu, skond il-potenzjal tiegħu. Il-Gvern qed jassikura li kull student jista’ jagħzel il-livell ta’ edukazzjoni u taħriġ skond l-abbiltà u l-kwalifiki li jkun akkwista fi tmiem l-edukazzjoni obbligatorja. Kull student, anke jekk ma jħaddanx kwalifiki formali. Mhux biss, il-Gvern estenda s-sistema edukattiv inklussiv fil-livell obbligatorju għall-ogħla livell. Għax il-Gvern jemmen bis-sħiħ li ħadd m’għandu jitħalla jaqa’ lura, ħadd m’għandu jitħalla barra. Għax il-Gvern jemmen li kull ċittadin għandu potenzjal biex jagħti kontribut siewi għall-ġid komuni flok ma jkun dipendenti.

Fi żmien għoxrin sena, l-università minn popolazzjoni ta’ ftit mijiet studenti llum tagħti servizz edukattiv lil madwar għaxart elef student full-time u part-time. L-MCAST fi żmien għaxar snin kiber minn madwar 1,500 student għal 5,500 student full-time u madwar 4,000 student part-time. L-Istitut għall-Istudji Turistiċi, li twelled ukoll madwar għoxrin sena ilu, jiġbed lejh madwar 570 student full-time u 500 student part-time. L-Iskola Sekondarja Ogħla tħaddan madwar 1,800 student. Il-Junior College ghandu aktar minn 3,000 student. Il-firxa ta’ suġġetti li joffru s-Sixth Forms tagħmilha faċli għal kull student li jagħżel il-grupp ta’ suġġetti li jixtieq għal speċjalizzazzjoni aktar tard. Id-Dipartiment responsabbli għal Edukazzjoni Matul il-Ħajja jorganizza korsijiet ghal aktar minn 9,000 student żagħżugħ u adult f’diversi ċentri f’Malta u f’Għawdex f’għadd kbir ta’ suġġetti. Dan id-Dipartiment qed jinvolvi ħafna Kunsillli Lokali biex ixerred il-kunċett u l-kultura ta’ Tagħlim Matul il-Ħajja, kollaborazzjoni li għandha tkompli tikber u tixtered mal-Kunsilli u organizzazzjonijiet oħrajn.

Il-Korporazzjoni tax-Xogħol u Taħriġ toffri għadd kbir ta’ korsijiet, aktarx qosra imma prattiċi ħafna, lil żgħażagħ u adulti li jkunu qed ifittxu x-xogħol. Fil-fatt fl-2009, l-ETC ħarrġet 6,745 persuna, żieda ta’ 66% fuq l-2008 – 4,656 rġiel u 2,089 nisa li, għalkemm anqas sew mill-irġiel, urew żieda tajba fuq is-sena ta’ qabel. L-istituzzjonijiet konċernati jridu jżidu l-impenn tagħhom biex joffru korsijiet għal ħaddiema li jixtiequ jgħollu l-livell ta’ ħiliet u kompetenzi tagħhom, anke fl-interess ta’ l-industrija li tħaddimhom. Hawn jeħtieġ aktar kollaborazzjoni ma’ l-industrija.

L-MCAST żviluppat flessibbiltà u rispons biex tissodisfa ħiliet meħtieġa anke minn investituri barranin. Għalkemm l-MCAST, l-ITS u l-Università diġà qed jagħtu sehem tajjeb f’dal-qasam, hemm spazju għal aktar ħidma kollaborattiva biex ikompli jiżdied l-investiment f’ekonomija msejsa fuq l-għerf, il-ħiliet u l-kompetenzi partikulari li joħorġu biss minn edukazzjoni ta’ livell għoli. L-istituzzjonijiet edukattivi f’kull livell mistennija jkunu strumentali għat-Tagħlim Matul il-Ħajja bħalma l-għalliema f’kull livell u qasam għandhom ikunu wkoll mudelli ta’ Tagħlim Matul il-Ħajja għall-Istudenti tagħhom.

L-Università toffri madwar 930 kors differenti. Mill-Università ggradwaw 13,694 student fi żmien l-aħħar ħames snin. L-MCAST joffri madwar 120 kors full-time u 300 kors part-time. L-Istitut ta’ Studji Turistiċi għandu 15 il-kors full-time u għażla sabiħa ta’ korsijiet part-time skond il-ħtieġa ta’ l-industrija. Wieħed josserva li qed jiżdiedu b’mod sostanzjali l-għadd ta’ studenti li qed jidħlu jew ikomplu jistudjaw f’livelli għoljin fl-MCAST. Jolqtok ħafna l-fatt li persentaġġ kbir ta’ studenti mhux qed ikunu sodisfatti bl-akkwist ta’ l-ewwel grad biss, iżda qed jistudjaw għal grad ta’ Masters u anke għal Dottorat.

Il-Gvern qed joffri scholarships kull sena għall-akkwist ta’ gradi universitarji, kemm fl-Università ta’ Malta kif ukoll f’universitajiet barranin, l-aktar f’korsijiet speċjalizzati li mhumiex offruti f’Malta. Fil-fatt, mijiet ta’ studenti qed jistudjaw barra minn Malta kull sena. Il-maġġoranza l-kbira tagħhom jerġgħu lura Malta biex jarrikkixxu l-istituzzjonijiet edukattivi ogħla kif ukoll il-professjonijiet. L-MCAST ukoll qed joffri korsijiet li jwasslu għal grad ta’ edukazzjoni u taħriġ f’livell terzjarju biex anke ż-żgħazagħ li jagħżlu direzzjoni vokazzjonali jkunu jistgħu jilħqu l-potenzjal tagħhom u fl-istess ħin ikompli jiżdied l-għadd ta’ gradwati.

Fl-2009 għal darb’oħra ngħataw mill-Gvern 69 scholarship għal Dottorat u 158 għal Masters permezz tal-Fond Soċjali Ewropew. Dawn il-figuri sbieħ huma awgurju tajjeb għall-ġejjieni ta’ pajjiżna u jindikaw b’mod ċar qawmien edukattiv li għandu jkun permanenti. Ma jistax ma jkunx osservat li spiċċa ż-żmien meta studji f’livelli terzjarji kienu esklussivi għall-elit tas-soċjetà, għal ulied il-professjonisti jew familji tat-tajjeb. L-istudenti fil-livell terzjarju ġejjin minn kull settur soċjali li jikkonferma li matul dawn l-aħħar għoxrin sena waqqajna l-barrieri u żviluppajna sistema edukattiv inklussiv fis-sens l-aktar wiesgħa.

Ma’ dawn l-istituzzjonijiet edukattivi ta’ l-Istat irridu ninkludu wkoll il-kontribut enormi li qed jagħtu l-istituzzjonijiet tal-Knisja u privati indipendenti kif ukoll id-diversi centri ta’ studju kummerċjali. Il-fatt li żdiedu b’mod qawwi l-għadd ta’ ċentri kummerċjali li qegħdin joffru huma wkoll għażla kbira ta’ korsijiet juri ċar li l-poplu lest anke jħallas, sikwit iħallas tajjeb, biex ikompli jistudja. Diversi korpi professjonali (Professional Bodies) joffru korsijiet li jwasslu għal kwalifiċi professjonali li jkomplu jgħollu l-livell tal-professjoni kif ukoll tas-servizzi li kull professjoni toffri lill-klijenti, kemm Maltin kif ukoll barranin.

Din hi attrazzjoni partikulari għal investiment barrani. Il-kilba għall-edukazzjoni f’livelli għoljin qed tkompli tikber fost persuni ta’ kull età. Napprezzaw il-fatt li mijiet ta’ studenti adulti qed jergħhu lura għall-istudju anke wara snin twal ‘il bogħod minn istituzzjoni edukattiva. Napprezzaw ħafna li anke nisa b’responsabbiltà ta’ familja qed isibu l-ħin u l-enerġija biex isaħħu l-kwalifiki tagħhom.

Pajjiżna qiegħed minn ta’ quddiem nett fl-Unjoni Ewropa fl-iżvilupp tal-Qafas Malti tal-Kwalifiċi b’mod parallel mal-Qafas Ewropew tal-Kwalifiċi. Dan qed jiġri biex nassikuraw li l-kwalifiki mogħtija minn istituzzjonijiet Maltin ikunu ta’ kwalità u standards ewropej u rikonoxxuti mhux biss fl-Ewropa, iżda wkoll fuq livell internazzonali.

Il-Qafas ta’ Kwalifiki se jkun strumentali biex min ikompli jistudja jakkumula l-kwalifiki li jkun akkwista. Importanti li naraw li jsir rikonoxximent tal-kwalifiki li wieħed jakkwista b’mod informali u non-formali, partikularment waqt il-prattika tal-professjoni jew sengħa matul is-snin. Il-Qafas tal-Kwalifiki għandu jiffaċilita l-iżvilupp tal-kunċett ta’ Tagħlim Matul il-Ħajja. Għalhekk l-istituzzjonijiet edukattivi għandhom jaħdmu biex anke l-korsijiet part-time, ġeneralment qosra, ikunu rikonoxxuti referuti mal-Qafas, bħalma diġà sar għall-korsijiet full-time. B’hekk inkomplu niġġustifikaw u nsaħħu l-Kultura ta’ Edukazzjoni Matul il-Ħajja.

Il-Learning Expo hi wirja ta’ għażla vasta ta’ korsijiet u istituzzjonijiet edukattivi li joffruhom. Il-Learning Expo, f’post wieħed, toffri opportunita’ ta’ għażla wiesgħa ta’ korsijiet għal kull min irid jitgħallem aktar, għal min irid jiżviluppa l-ħiliet tiegħu, għal min jixtieq jibdel ix-xogħol li għandu, għal min jixtieq isib ix-xogħol, għal min jixtieq joħroġ jaħdem, għal min irid jaġġorna ruħu, għal min jixtieq jiżviluppa t-talenti tiegħu f’xi delizzju jew passatemp. Min iżur il-Learning Expo jista’ jsir jaf aħjar u f’ħin qasir x’għażla ta’ suġġetti u korsijet jista’ jagħmel biex isib ix-xogħol u jaqbad il-karriera vokazzjonali jew professjonali li jixtieq.

Hawnhekk insibu informazzjoni meħtieġa mogħtija minn esperti f’oqsma differenti, anke permezz ta’ informazzjoni stampata. Din l-informazzjoni tkompli tissaħħaħ permezz ta’ diskussjonijiet mal-Guidance Teachers u mal-Careers Officers fl-iskejjel kif ukoll ma’ l-għalliema u l-ġenituri li jkunu jafu aktar mill-qrib liż-żgħażagħ tagħna. Naturalment, l-istituzzjonijiet edukattivi rapprezentati f’din l-Expo jibqgħu bil-bibien miftuħin għal aktar tagħrif u pariri.

Il-Learning Expo hi inizjattiva oħra tal-Gvern biex tkompli tixtered il-Kultura ta’ Tagħlim Matul il-Ħajja. Għax il-Gvern jemmen li t-tagħlim matul il-ħajja hu garanzija għal xogħol matul il-ħajja. Għalhekk il-Learning Expo mhix biss indirizzata lill-istudenti żgħażagħ, iżda lill-istudenti ta’ kull età – anke adulti u anzjani. Kulħadd fadallu x’jitgħallem. Qatt mhu tard wisq biex titgħallem. Dejjem hemm żmien biex titgħallem.

Nixtiequ naraw jattendu l-Learning Expo anke lill-industrijalisti, lill-investituri, lil min qed jitħajjar iwaqqaf negozju f’pajjiżna biex isir jaf x’korsijiet qed ikunu offruti, x’ħiliet u kompetenzi qegħdin jakkwistaw iż-żgħażagħ u l-adulti tagħna fl-istituzzjonijiet edukattivi.

Jien nistieden lilkom li qegħdin hawn għall-ftuħ tal-Learning Expo kif ukoll lil dawk li mhumiex hawn biex iżuru din il-wirja biex jaraw x’qegħdin joffru l-istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni u taħriġ professjonali u vokazzjonali tal-Gvern kif ukoll l-istituzzjonijiet privati u kummerċjali. Dawn kollha flimkien qegħdin iservu u jsostnu l-kultura ta’ tagħlim matul il-ħajja għal xogħol matul il-ħajja.

Bħala Gvern, bħala ġenituri, bħala poplu rridu nħaddnu l-kunċett tat-tagħlim matul il-ħajja. Irridu nesplojtaw bl-aħjar mod il-potenzjal li għandna biex inkunu professjonali f’dak li nipproduċu u fis-servizz li noffru filwaqt li nkunu kreattivi, innovattivi u kompetittivi. Hawn kors għal kull min jixtieq jistudja u jitħarreġ, hi x’inhi l-età jew il-livell edukattiv milħuq. Għall-ġid tagħna. Għall-ġid ta’ wliedna. Għall-iżvilupp ta’ pajjiżna.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL  Tittella’ r-raba’ edizzjoni ta’ Porkilicious: inizjattiva li tgħaqqad il-gastronomija u s-sostenibbiltà tal-ikel mal-appoġġ għall-Malta Community Chest Fund

PR261991

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT  “L-intelliġenza artifiċjali għandha tkun għodda mħaddma tajjeb, filwaqt li qatt ma tista’ tieħu r-rwol fundamentali tal-edukaturi” – Il-Ministru Byron Camilleri fi Brussell

PR261990

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT “L-intelliġenza arti...

More Press Releases Right arrow