SESSJONIJIET PRATTIĊI DWAR IS-SAĦĦA U S-SIGURTÀ FID-DAR
Madwar 35 tifel u tifla li jattendu s-sitt klassi fi skejjel primarji fi ħdan il-Kulleġġ ta’ Għawdex, kif ukoll fi skejjel tal-knisja madwar Għawdex, ipparteċipaw f’sessjonijiet prattiċi dwar is-saħħa u s-sigurtà fid-dar. L-għan ta’ din l-attività, li saret ġewwa farmhouse fix-Xagħra, huwa li kull ma jmur dejjem jikber l-għarfien fost it-tfal dwar l-importanza tas-saħħa u s-sigurtà fil-ħajja, b’mod partikolari fid-dar.
Matul in-nofs ta’ nhar ta’ Hands on experience, l-istudenti setgħu jaraw b’għajnejhom u jidentifikaw il-perikli li jistgħu jiltaqgħu magħhom fid-dar. Dan l-eżerċizzju jikkumplimenta mal-lezzjonijiet tal-Health and Safety li jsiru lill-istudenti matul is-sena skolastika bħala parti mil-lezzjonijiet tal-kurrikulu. It-temi ewlenin għal din is-sena kienu, is-saħħa u s-sigurtà fid-dar, ikel tajjeb għas-saħħa u stil ta’ ħajja sana.
Il-Ministru għal Għawdex, l-Onor. Giovanna Debono u s-Segretarju Parlamentari ghall-Konsumaturi, Kompetizzjoni Ġusta, l-Kunsilli Lokali u Konsultazzjoni Pubblika, l-Onor. Chris Said, ingħaqdu għal xi ħin mat-tfal waqt is-sessjoni li kienet għaddejja.
L-attivitajiet kienu jinkludu eżempji prattiċi dwar elementi ta’ periklu li jippreżentaw ruħhom fi kmamar partikolari bħal ma huma kmamar tas-sodda, kċina, kmamar tal-banju, u partijiet oħra tad-dar bħalma hu l-ġnien, swimming pool, u barbecue areas. Rappreżentanti minn WasteServ Malta Ltd għaddew tagħrif dwar sistemi ta’ enerġija alternattiva bħalma huma l-pannelli fotovoltaiċi u sistemi li jsaħħnu l-ilma permezz ta’ l-enerġija mix-xemx. It-tfal ġew ukoll mogħtija informazzjoni dwar prattiċi tajbin għal ambjent aħjar kif ukoll dawk marbuta ma’ stili ta’ ħajja li jippromwovu s-saħħa.
Waqt l-attività ġew esebiti wkoll it-tpinġijiet u l-mudelli li nħaddmu mill-istudenti bħala parti mill-kompetizzjoni bit-tema tas-saħħa u s-sigurtà fid-dawl tal-viżjoni Eko-Għawdex. Ġew magħżula xogħlijiet li permezz tagħhom intrebħu premjijiet għall-iskejjel rispettivi.
It-tfal kollha preżenti ngħataw kotba għal-librerija ta’ l-iskejjel tagħhom.
Other Press Releases:
PR261991
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL ...
PR261990