ATTIVITAJIET TAL-ĠIMGĦA MQADDSA MIS-SOCJETÀ FILARMONICA NAZIONALE LA VALLETTE
Illum fis-sede tas-Socjetà Filarmonica Nazionale La Vallette tnieda programm ta’ attivitajiet għall-Ġimgħa Mqaddsa li se jittella’ mill-istess soċjetà bejn l-24 ta’ Marzu u t-3 t’April f’diversi lokalitajiet madwar il-Belt Valletta.
Dan il-programm se jiftaħ b’wirja fuq skala nazzjonali bit-tema tal-Ġimgħa Mqaddsa fis-sede tas-soċjetà u jkompli b’diversi attivitajiet oħra tematiċi fosthom: ċenaklu ħaj, purċissjonijiet reliġjużi, mużika u letteratura, dramm tal-passjoni u baned minn numru ta’ lokalitajiet f’Malta u Għawdex.
Waqt it-tnedija ta’ dan il-programm, is-Segretarju Parlamentari għall-Konsumatur, Kompetizzjoni Ġusta, Kunsilli Lokali u Konsultazzjoni Pubblika, l-Onor. Chris Said faħħar l-inizjattiva tas-Socjetà La Vallette u qal li minbarra l-aspett reliġjuż dawn l-attivitajiet għandhom importanza kbira għax jesponu l-identità u l-kultura tagħna. Chris Said innota b’sodisfazzjon li l-attivitajiet imissu diversi aspetti tal-kultura tal-gżejjer Maltin fosthom il-kult reliġjuz, il-mużika, il-letteratura, l-arti, il-baned u aspetti oħra.
Is-Segretarju Parlamentari nnota kif il-partecipazzjoni f’dawn l-avvenimenti ġejja minn diversi lokalitajiet f’Malta u Għawdex. Huwa qal li s-Socjetà La Vallette mhux biss qed tiġbor flimkien aspetti kulturali minn lokalitajiet differenti iżda qed tieħu din il-kultura fit-toroq u qrib in-nies.
Il-Gvern mhux biss jemmen fl-importanza tal-kultura u l-identità Maltija iżda jemmen ukoll li dawn it-tradizzjonijiet qed joħolqu niċċa mportanti ħafna għat-turiżmu f’pajjiżna. Għal dan il-għan il-Gvern qed jappoġġja din l-attività biex tkompli tissaħħaħ din in-niċċa hekk vitali.
L-Onor. Chris Said faħħar il-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta għall-involviment tiegħu f’din l-attività u aċċenna għas-support li ngħata mill-Kunsill Lokali tal-Floriana bħala eżempju ta’ kif kunsilli lokali għandhom jaħdmu flimkien u jappoġġjaw lill-għaqdiet tal-lokalità.
Il-President tas-Societa Filarmonica Nazionale La Vallette, is-sur Alfred Zahra spjega kif minn wirja fis-sede tas-soċjeta’, kibret biex issa saret tinkludi numru ta’ attivitajiet fit-toroq prinċipali tal-Belt Valletta.
Min-naħa tiegħu, s-sindku tal-Belt Valletta, Dr Alexei Dingli qal li l-kunsill lokali ħadem ħafna biex jissolvew il-problemi li jiltaqghu magħhom id-dilettanti tal-Ġimgħa Mqaddsa meta jiġu biex jorganizaw attivitajiet u jarmaw fil-Belt.
Other Press Releases:
PR261991
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL ...
PR261990