JIBDA PROĠETT PILOTA TA’ DIĠITIZZAZZJONI FL-ARKIVJU NOTARILI
Is-Segretarju Parlamentari għal Negozji Żgħar u Artijiet, l-Onor. Jason Azzopardi illum ħabbar proġett pilota ta’ diġitizzazzjoni ta’ uħud mill-eqdem dokumenti li jinsabu fl-Arkivju Notarili fi Triq San Kristofru fil-Belt Valletta. Il-ħsieb ta’ dan il-proġett, li qed isir b’kollaborazzjoni bejn l-Arkivju Notarili Malti u l-Hill Museum and Manuscript Library fi ħdan is-St John’s University, fl-Istati Uniti, huwa li permezz tal-fotografija diġitali, jiġu ppreservati dokumenti notarili mis-Seklu 16, filwaqt li jitpoġġew għad-dispozizzjoni ta’ riċerkaturi minn madwar id-dinja permezz tal-internet.
Jason Azzopardi qal li dan huwa pass kbir fid-direzzjoni t-tajba, għax għall-ewwel darba qed jittieħdu miżuri konkreti lejn preservazzjoni ta’ dan it-teżor li huwa minjiera ta’ informazzjoni dwar il-ħajja soċjali tal-Maltin tal-imgħoddi. Huwa faħħar il-ħidma tal-Kunsill għar-Riżorsi tal-Arkivju Notarili (NARC) li jaħdem mill-qrib tal-Arkivju Notarili b’mod volontarju u jistinka biex joħloq opportunitajiet bħal tal-lum.
Is-Segretarju Parlamentari tenna l-impenn tal-Gvern lejn il-preservazzjoni tal-wirt ta’ pajjiżna. Dan ukoll imur id f’id mal-politika ta’ sussidjarjeta’ u devoluzzjoni li jhaddem il-Gvern favur siti storiċi li għandhom jintużaw bl-iktar mod xieraq.
Il-proġett pilota ser jibda’ bil-preservazzjoni ta’ numru ta’ volumi mis-seklu Sittax, li ser isiru fuq numru ta’ ġimgħat. Dan il-proċess ser isir ukoll bil-kollaborazzjoni ta’ studenti mill-Kors tal-Librara u Arkivisti tal-Universita’ ta’ Malta. Meta jitlesta dan isir eżami tar-riżultati, bl-intenzjoni li jitkompla l-proċess fuq l-arkivji kollha b’mod sistematiku.
Il-preservazzjoni ssir billi jittieħed ritratt diġitali ta’ kull paġna fil-volumi, li jiġu elenkati f’database. Filwaqt li l-Arkivju Notarili jżomm kull dritt ta’ copyright, l-intenzjoni hija li fil-futur qrib dawn id-dokumenti diġitali jiġu mtella’ fuq l-internet għad-dispożizzjoni tar-riċerkaturi.
Other Press Releases:
PR261991
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL ...
PR261990