PERFORMANCE AUDIT: INTER VIVOS TRANSFER OF PROPERTY
L-Awditur Ġenerali rrapporta lill-Parlament li kien hemm dħul sostanzjali mill-ġbir tat-taxxafuq t-trasferimenti Inter Vivos tal-propjetà meta kkomparat mal-infieq li jagħmel l-Capital Transfers Duty Department (CTDD) f’dan ir-rigward. Madanakollu, hemm lok li jissaħħu iżjed l-mekkaniżmi sabiex ikun żgurat li l-interessi tal-Gvern ikunu mħarsa aħjar.
L-applikazzjonijiet kollha li jirċievi d-Dipartiment ikunu, wara evalwazzjoni inizjali, eżaminati mill-Bord Intern tad-Dipartiment. Dan isir biex ikun żgurat li d-dikjarazzjoni tal-valur tal-propjetà tkun korretta għaliex din tifforma l-bażi tal-kalkulazzjoni tat-taxxa Inter Vivos dovuta. Iżda, l-membri tal-Bord ma ngħatawx termini stabbiliti formali tal-ħatra tagħhom u linji gwida dwar l-operat tagħhom. Kif ukoll il-Bord ma jiddokumentax il-bażi tad-deċiżjonijiet tiegħu. Il-membri tal-Bord Intern m’għandhomx speċjalizzazzjoni teknika fil-valutazzjoni ta’ propjetà, għalkemm jippossjedu esperjenza konsiderevoli. Ix-xogħol tal-Bord huwa ostakolat minħabba li l-livell t’informazzjoni fuq l-propjetà trasferita mhux konsistenti minn każ għal ieħor.
Studju tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika (NAO) indika li f’numru żgħir ta’ każijiet, l-Bord aċċetta dikjarazzjonijiet li kienu inqas mill-prezz tas-suq tal-propjetà. Bejn l-2005 u l-2008, il-Bord aċċetta iktar minn 54 fil-mija tal-applikazzjonijiet eżaminati minnu.
Dawk il-każijiet li, fil-fehma tal-Bord ma jirriflettux il-prezz tas-suq, jiġu mgħoddija lill-Periti sabiex issir stima tal-propjetà. Il-maġġoranza ta’ dawn l-istimi kkonfermaw il-valur iddikjarat mill-partijiet ikkonċernati jew ġew aċċettati f’każijiet fejn l-istima tal-Periti kienet ogħla.
L-istimi tal-Periti ġġeneraw dħul sostanzjalment ikbar minn nefqa tagħhom. Madanakollu, in-nuqqas ta’ dokumentazzjoni ddgħajjef il-kontroll intern marbut ma’ dawn l-istimi. Dan huwa partikularment evidenti fejn il-Periti jnaqsu l-istima oriġinali tagħhom wara li jkun hemm oġġezzjonijiet mill-partijiet involuti u jkollha issir spezzjoni oħra.
Id-Dipartiment irrifjuta kważi nofs l-oġġezzjonijiet kollha li saru dwar il-valutazzjonijiet tal-propjetà kif stmata mill-Periti. Id-Dipartiment isostni li numru konsiderevoli t’oġġezzjonijiet mhumiex ġustifikati minħabba li r-raġunijiet preżentati ma jkunux validi. F’dawn iċ-ċirkostanzi, il-partijiet ikkonċernati kellhom l-opportunità li jitolbu li l-każ tagħhom ikun rivedut minn dak li kien jissejjaħ il-Bord Speċjali tal-Kummissarji għat-Taxxa fuq Dokumenti u Trasferimenti. Iżda, dan il-Bord kien ilu ma jiltaqa’ minn Diċembru 2004. Din is-sitwazzjoni wasslet biex ikun hemm madwar 600 każ pendenti. Riċentement, l-AdministrativeReview Tribunial ħa post dan il-Bord.
Dan ir-rapport ikkonkluda li minkejja d-dħul sostanzjali addizzjonali għad-Dipartiment, teżisti l-opportunità biex ikun hemm titjib fl-immaniġġjar ta’ taxxa Inter Vivos. F’dan ir-rigward, l-NAO għamel numru ta’ rakkommandazzjonijiet biex jissaħħu l-mekkaniżmi u kontrolli interni relattivi.
Ir-rapport se jkun fuq il-website: www.nao.gov.mt minn għada.
Other Press Releases:
PR261991
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL ...
PR261990