TLESTIJA TA’ KORSIJIET IMĦEJJIJA MILL-ETC F’ĦILIET DIVERSI
Aktar minn 100 impjegat, li jaħdmu ma’ Magro Brothers Group, kumpanija ewlenija tal-produzzjoni f’Għawdex, lestew b’suċċess total ta’ 44 kors organizzati mill-Korporazzjoni għax-Xogħol u t-Taħriġ, l-ETC f’Għawdex. Il-korsijiet li kienu jinkludu fost l-oħrajn l-Immaniġġjar tal-Ħin, Customer Care,Ħiliet Bażiċi u Avvanzati fl-IT, Food Handling B u Health and Safety, ġew imtellgħa fiċ-Ċentru tal-Arti u l-Artiġjanat Wistin Camilleri, f’Għajnsielem, bejn Marzu u Mejju 2009 u bejn Ottubru u Novembru tal-istess sena.
Din kienet waħda mill-inizjattivi meħuda mill-gvern matul is-sena li għaddiet, biex jilqgħu għall-impatt negattiv tal-kriżi ekonomika li ħakmet lill-ekonomija mondjali. Permezz ta’ din l-inizjattiva ġie wżat il-ħin meta naqas ix-xogħol biex il-ħaddiema jimpenjaw ruħhom f’eżerċizzji li jtejbu jew iżidu l-kompetenzi tagħhom.
Waqt iċ-ċerimonja tal-preżentazzjoni ta’ ċertifikati lil dawk li attendew dawn il-korsijiet, il-Ministru għal Għawdex, l-Onor. Giovanna Debono awgurat lil parteċipanti kollha li għarfu din l-opportunità li offra l-gvern permezz tal-ETC, bħala parti mill-impenn tiegħu biex iħares il-postijiet tax-xogħol u biex itejjeb il-ħiliet tal-ħaddiema. Hija faħħret il-koperazzjoni li kien hemm min-naħa tal-kumpanija Magro Brothers, filwaqt li saħqet li l-ħaddiem huwa l-aqwa riżors ta’ kull intrapriża. Żiedet tgħid li dan huwa partikolarment relevanti għall-gżejjer Maltin, li r-riżors ewlieni tagħhom huwa proprju r-riżors uman. Waqt din iċ-ċerimonja tkellmu wkoll is-Sur John Magro, id-Direttur Maniġerjali ta’ Magro Group, u s-Sur Marcel Bonnici, il-manager ta’ l-ETC f’Għawdex.
Fl-aħħar sena, kważi 900 persuna attendew korsijiet li saru b’kollaborazzjoni bejn l-ETC u ċ-Ċentru Għawdxi tal-Arti u l-Artiġjanat Wistin Camilleri, matul 35,000 siegħa ta’ taħriġ prattiku f’numru ta’ snajja’ flimkien ma’ tagħlim ieħor. Inizjattivi meħuda flimkien mal-ETC kienu jinkludu wkoll dawk għal nies li kienu jirreġistraw għax-xogħol.
Skemi oħra ta’ l-ETC wasslu biex ħolqu aktar xogħol f’Għawdex, fost l-oħrajn permezz tal-Gozo Employment Aid Scheme, fejn tħallsu €1.4 miljun lil 94 kumpanija jew intrapriża li ħaddmu bejniethom 264 persuna. Barraminhekk, fi skema ġdida, 88 intrapriża Għawdxija offrew opportunità ta’ xogħol lil 141 ħaddiem li ser ikunu intitolati għal għajnuna relatata.
Other Press Releases:
PR261991
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL ...
PR261990