IS-SEGRETARJU PARLAMENTARI GĦAL NEGOZJI ŻGĦAR U ARTIJIET JASON AZZOPARDI JĦABBAR INVESTIMENT FIT-TAQSIMA PROPRJETÀ TAL-GVERN GĦAL ĦAFNA IŻJED EFFIĊJENZA, TRASPARENZA U KONTABILITÀ
Is-Segretarju Parlamentari għal Negozji Żgħar u Artijiet Jason Azzopardi llum indirizza konferenza tal-aħbarijiet li fiha ħabbar investiment fit-Taqsima Proprjetà tal-Gvern (GPD) li ser iwassal għal bdil u titjib radikali tas-sistemi ta’ kif titħaddem il-proprjetà tal-Gvern. Dan ser jirriżulta f’iktar effiċjenza, trasparenza, kontabilità, u servizz aħjar għall-pubbliku.
Jason Azzopardi qal illi permezz tal-‘Land and Estate Management Information System’ (LEMIS), illum il-Gvern qed jilħaq tragward importanti fil-mixja li beda fl-aħħar xhur, li jtejjeb it-tmexxija tar-riżorsa tal-art. “Fl-aħħar sentejn wettaqna ħidma sfieqa biex iġġilidna l-abbuż, biex tejjibna s-servizzi, u ftaħna servizzi ġodda filwaqt li tajna valur li jixraq lill-proprjetà pubblika. Illum qed nagħmlu qabza kbira ta’ kwalità u ndaħħlu l-informatika tal-GPD fis-seklu wieħed u għoxrin, biex nipprovdu servizz li jixraq lill-pubbliku Malti.”
Is-Segretarju Parlamentari spjega kif fil-GPD jeżistu 131,000 file illi jiġbru fihom l-informazzjoni kollha dwar il-proprjetà li jamministra l-Gvern Malti. Dawn il-files huma id-database tal-Gvern dwar il-proprjetà. Bl-investiment li ser jagħmel il-Gvern, din l-informazzjoni kollha ser tinġabar f’sistema diġitali ċentrali, fuq medda ta’ 3 snin, biex jiġu iffaċilitati x-xogħol u l-effiċjenza.
Jason Azzopardi qal li l-Gvern irid jasal f’punt fejn bniedem ikun jista’ jaċċessa informazzjoni dwar il-proprjetà tal-Gvern mill-kumdità tad-dar tiegħu. Din il-qabża ta’ kwalità lejn eċċellenza fis-servizz, ser tiffaċilita iżjed l-aċċess għall-informazzjoni anke għal skopijiet ta’ investiment u ħolqien ta’ xogħol.
Is-sistema LEMIS hija sistema użata madwar id-dinja minn klijenti li jinkludu Shell, Birmingham City Council, UK Court Services u Lloyds TSB. Fost l-oħrajn l-LEMIS ser tipprovdi modules li jiffaċilitaw ir-registrazzjoni tal-proprjetà, management ta’ kuntratti, kif ukoll awditjar.
Il-LEMIS ser jiffaċilita li l-GPD ikollu informazzjoni f’ħin reali dwar x’proprjetà għandu eżattament il-Gvern, jekk din hijiex battala, min huwa l-okkupant, x’valur għandha din il-proprjetà, u kemm ilu ma jsir xogħol ta’ manutenzjoni fuqha. Dawn il-mistoqsijiet fil-preżent jistgħu jiġu mwieġba b’eżerċizzju laborjuz ta’ tfittxija fil-files li tista’ tieħu l-ġimgħat. B’dan l-investiment dan ser ikun jista’ jsir fi ftit mumenti.
Other Press Releases:
PR261991
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL ...
PR261990