IS-SEGRETARJU PARLAMENTARI GĦAL NEGOZJI ŻGĦAR U ARTIJIET JASON AZZOPARDI JIPPRESJEDI IT-TNEDIJA TAL- PROGRAMM BIZSPARK
Illum is-Segretarju Parlamentari għal Negozji Żgħar u Artijiet Jason Azzopardi ippresjeda it-tnedija tal-Programm BizSpark li qed isir b’kollaborazzjoni tal-Bank HSBC flimkien mal-kumpanija Microsoft.
Jason Azzopardi esprima s-sodisfazzjon tiegħu għal din l-inizjattiva li hija immirata li tgħin kumpaniji tal-ICT li qed jibdew, fl-operat tagħhom, biex dejjem tissaħħaħ u tiġi inċentivata l-inizjattiva. Huwa qal illi dan is-servizz, flimkien ma’ qafas ta’ servizzi u inizjattivi ġejjin kemm min-naħa tal-Gvern kif ukoll mill-privat, jiffurmaw parti minn xenarju li joħloq il-klima favorevoli li tinkoraġġixxi l-investiment, u l-inizjattiva għax-xogħol.
Il-Gvern dejjem għaraf fil-bżonn tal-inizjattiva tan-negozjant żgħir u medju, għax dejjem emmen li dawn huma s-sinsla tal-ekonomija. Il-Gvern ikkonferma l-importanza li jagħti lill-SMEs u s-Self Employed fl-aħħar Budget permezz ta’ ħemel ta’ inċentivi, kollha immirati direttament għall-benefiċċju tagħhom.
Jason Azzopardi semma kif, l-iskema tat-tax credit li ġiet imħabbra fl-aħħar budget u diga’ bdiet titħaddem, hija maħsuba li tinċentiva l-investiment fin-negozji żgħar u li jistgħu jgawdu minnha sa 28,000 negozju.
Is-sostenn kontinwu li l-Gvern jagħti ‘l dan is-settur huwa espress ukoll f’politika fiskali li ma tħarisx li żżid il-piż tat-taxxi, anzi fl-aħħar 3 budgets il-Gvern nieda riforma kbira fl-income tax, liema riforma qed tħalli €152 miljun fil-bwiet tal-ħaddiema u n-negozji.
Other Press Releases:
PR261991
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL ...
PR261990