IL-EUROPEAN TOURISM FORUM U KONFERENZA INTERNAZZJONALI DWAR ĠEMELLAĠĠI TAL-GVERNIJIET LOKALI SE JSIRU F’MALTA F’NOVEMBRU
Is-Segretarju Parlamentari għat-Turiżmu, l-Ambjent u l-Kultura, l-Onor. Mario de Marco, u s-Segretarju Parlamentari għall-Konsumatur, il-Kompetizzjoni Ġusta, Kunsilli Lokali u l-Konsultazzjoni Pubblika, l-Onor. Chris Said, illum ħabbru li aktar tard din is-sena, Malta se tkun qed torganizza il-European Tourism Forum (ETF) u Konferenza Internazzjonali dwar Ġemellaġġi tal-Gvernijiet Lokali.
Dr de Marco qal li l-ETF huwa avveniment Ewropew li jittella’ kull sena mill-Kummissjoni Ewropea flimkien mal-Presidenza kkonċernata; u f’dan il-forum jinġabru numru ta’ rappreżentanti importanti tas-settur turistiku fuq livell Ewropew u internazzjonali.
Huwa qal li wara diskussjonijiet li Malta kellha mal-Kummissjoni Ewropea u mar-rappreżentanti tal-Presidenza Belġjana, fejn Malta wriet ix-xewqa li għal darb’oħra tospita l-Forum, il-Presidenza Belġjana bl-approvazzjoni tal-Kummissjoni, aċċettat il-proposta ta’ Malta. Iż-żewġ naħat urew ċertezza li din l-inizjattiva, kif ġara fl-2005 fejn l-istess Forum kien itella’ f’pajjiżna, terġa’ tkun suċċess.
Din is-sena l-Forum ser ikun amalgamat ma’ sensiela ta’ attivitajiet li jiffukaw fuq il-benefiċċji li t-turiżmu jħalli kemm fuq livell lokali kif ukoll fuq dak nazzjonali, reġjonali u Ewropew. L-attivitajiet ser jibdew mis-16 ta’ Novembru u jibqgħu sejrin sad-19 ta’ Novembru li ġej. Hu qal li għal din il-ġimgħa ta’ attivitajiet huwa mistenni li jkun hemm madwar 800 parteċipant.
Is-Segretarju Parlamentari de Marco kompla jgħid li dawn l-attivitajiet ser jitqassmu bejn Malta u Għawdex filwaqt li l-Forum ser isir fil-lokalità tal-Mellieħa, liema lokalità rebħet il-premju EDEN is-sena l-oħra. ”B’dan il-mod inkunu qegħdin ngħaddu messaġġ li lokalità li tkun laħqet livell Ewropew bl-inizjattivi li tagħmel tista’ tintuża bħala eżempju għal lokalitajiet oħrajn.”
Dr de Marco rrefera wkoll għal fatt li permezz tal-iskema ta’ appoġġ kienu attirati Konferenzi mis-settur pubbliku u parastatali, u li permezz tagħhom kienu attirati mal-24 konferenza, bi kważi 10,000 parteċipant bejn nofs is-sena l-oħra u s-sena d-dieħla.
Huwa għalaq billi semma wkoll l-aħbar li l-ABTA – The Travel Association tar-Renju Unit, iddeċidiet li torganizza l-Konvenzjoni annwali tagħha f’Ottubru li ġej f’pajjiżna. Din se tkun qed iġġib madwar 800 operatur tal-ivvjaġġar flimkien ma’ 50 ġurnalist mir-Renju Unit. Fi kliem l-ABTA stess, “Malta hija destinazzjoni vibranti” għal min jivjaġġa mir-Renju Unit, fejn aktar kmieni din is-sena, l-istess ABTA ddefiniet lil Malta bħala fost l-ewwel 15-il destinazzjoni hotspot għall-2010.
Dr Chris Said, min-naħa tiegħu qal li l-konferenza tal-Ġemellaġġi għall-Kunsilli Lokali ser issir fis-16 u 17 ta’ Novembru, jumejn qabel l-ETF.
Għall-konferenza ser jiġu mistiedna rappreżentanti tal-amministrazzjoni tal-lokalitajiet barranini ġemellati ma’ lokalitajiet Maltin. B’kollox għandna madwar 90 ġemellaġġi bejn Kunsilli Lokali Maltin u dawk barranin. Dr. Chris Said qal li t-temi li ser jiġu diskussi waqt il-konferenza ser jiffukkaw fuq l-istrateġiji li għandhom iwasslu biex nipprovdu prodott turistiku awtentiku u ġenwin fil-lokalitajiet kollha.
Is-Segretarju Parlamentari responsabbli mill-Kunsilli Lokali enfasizza li kull lokalità għandha x’ toffri lit-turist li jiġi jżur Malta u Għawdex; u għalhekk din il-konferenza ser sservi biex jiġu diskussi wkoll prattiċi tajba u ideat innovattivi kif kull lokalità toħroġ l-aħjar tagħha. B’hekk tattira aktar turiżmu u konsegwentament jinħolqu postijiet tax-xogħol ġodda fil-lokalitajiet tagħna.
Chris Said fisser li għall-istess okkażjoni kull lokalità ġemellata ser tiġi mistiedna li tibgħat Malta artisti minn kull qasam kulturali biex f’diversi postijiet f’Malta u Għawdex jittella’ Festival tal-Ġemellaġġi. L-artisti barranin jingħaqdu ma’ artisti Maltin u Għawdxin biex fil-lokalitajiet jittellgħu wirjiet ta’ arti, żfin, drama u mużika.
Is-Segretarju Parlamentari qal li għaddejja ħidma wkoll mill-kumitat organizzattiv biex fl-istess perjodu, jitnieda Twinning Package għar-residenti li joqgħodu fil-lokalitajiet ġemellati. Permezz ta’ dan il-pakket, residenti ta’ dawn il-lokalitajiet jiġu mħajra jżuru Malta għal vaganza. Biex isir dan ser tintalab l-għajnuna tal-Kunsilli Lokali barranin sabiex jippromwovu lil Malta u Għawdex fl-ibliet tagħhom. L-operaturi fil-qasam tat-turiżmu lokali ser ikollhom l-opportunità li jissieħbu f’din l-inizjattiva billi joffru pakkett b’inċentivi lil dawk ir-residenti li jkunu ġejjin minn lokalitajiet ġemellati.
Other Press Releases:
PR261991
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL ...
PR261990