Left arrow Go Back

JITWETTQU ZEWĠ PROPOSTI OĦRA MID-DOKUMENT TAT-TIĠDID TAL-KUNSILLI LOKALI - AKTAR GĦODDA F’IDEJN IR-RESIDENTI

PR0273
Date Icon 16/02/2010

Wara li s-sena l-oħra, bħala parti mit-tiġdid tal-kunsilli lokali, ġie pubblikat il-Kodiċi ta’ Prattiċi Tajba, illum tnieda Kodiċi ta’ Etika għall-kunsilliera lokali.

Dan il-kodiċi huwa proposta oħra msemmija fid-dokument tat-tiġdid tal-kunsilli lokali li kien tfassal wara proċess twil ta’ konsultazzjoni wiesa’. Dwar dan it-tiġdid, is-Segretarju Parlamentari responsabbli mill-Kunsilli Lokali, l-Onor. Chris Said qal li mit-total ta’ 120 proposta li ġew preżentati f’Mejju li għadda, 9 xhur wara, 85% minnhom diġà huma mwettqa.

Chris Said ħabbar ukoll li l-ksur tal-Kodiċi ta’ Etika se jiġi trattat minn Bord ta’ Governanza li tnieda llum fi ħdan id-Dipartiment tal-Gvern Lokali. Chris Said qal li kemm il-Kodiċi ta’ Etika u kif ukoll il-Bord ta’ Governanza ġew inkorporati f’Avviż Legali sabiex ikollhom saħħa legali.

Id-dokument tat-tiġdid tal-kunsilli lokali jistipula li għandu jitwaqqaf dan il-Bord ta’ Governanza li għandu jittratta każijiet ta’ abbuż, ksur tal-kodiċi ta’ etika, ksur tar-regolamenti u lmenti mill-pubbliku fuq l-operat tal-kunsilli lokali. L-Onor. Chris Said qal li dan il-bord se jkollu l-poter li jisma’ l-partijiet involuti u jagħti r-rakkomandazzjonijiet tiegħu lid-Dipartiment tal-Gvern Lokali dwar il-passi li għandhom jittieħdu.

Min-naħa tiegħu, id-Dipartiment tal-Gvern Lokali se jkollu d-dritt li jippubblika l-ismijiet ta’ dawk il-kunsilliera li ripetutament jiksru l-kodiċi ta’ etika, kif ukoll jieħu kull sanzjoni li tippermettilu l-liġi.

Is-Segretarju Parlamentari responsabbli mill-Kunsilli Lokali Chris Said qal li l-Kodiċi ta’ Etika u l-Bord ta’ Governanza se jkunu qegħdin hemm biex jassiguraw l-aħjar servizz għar-residenti, għax permezz tagħhom għandu jkun aċċertat li l-kunsilliera jaħdmu fl-ambitu tal-liġi, b’mod trasparenti u b’mod aktar responsabbli u kontabbli.

B’hekk ir-residenti qed jingħataw għodda oħra sabiex isemmgħu leħinhom dwar is-servizz mogħti minn dawk il-kunsilliera li jkunu eleġġew huma stess.

Is-Segretarju Parlamentari Chris Said semma l-elezzjonijiet tal-kumitati amministrattivi f’komunitajiet zgħar u qal li permezz ta’ dawn il-kumitati, il-Gvern qed iwessa’ il-prinċipju tas-sussidjarjeta’ u b’hekk aktar residenti se jkollhom sehem dirett fid-deċiżjonijiet li jaffetwawlhom il-ħajja ta’ kuljum. L-elezzjonijiet fl-ewwel 8 komunitajiet se jsiru fis-27 ta’ Marzu.

Huwa qal ukoll li fl-1 t’April 2010 se jibdew jiffunzjonaw il-Kumitati Reġjonali li għandhom isaħħu l-ħidma konġunta bejn kunsilli lokali fl-istess regjuni.

Dawn, flimkien mar-riforma fis-sistema tal-infurzar lokali, huma żewġ proposti oħra msemmija fid-dokument tat-tiġdid tal-kunsilli lokali u li se jkunu qed jitwettqu fil-ġimgħat li ġejjin.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL  Tittella’ r-raba’ edizzjoni ta’ Porkilicious: inizjattiva li tgħaqqad il-gastronomija u s-sostenibbiltà tal-ikel mal-appoġġ għall-Malta Community Chest Fund

PR261991

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT  “L-intelliġenza artifiċjali għandha tkun għodda mħaddma tajjeb, filwaqt li qatt ma tista’ tieħu r-rwol fundamentali tal-edukaturi” – Il-Ministru Byron Camilleri fi Brussell

PR261990

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT “L-intelliġenza arti...

More Press Releases Right arrow