ELUF TA’ MALTIN QASMU L-FLIEGU GĦAL ŻMIEN IL-KARNIVAL
Bħas-snin l-imgħoddija, fi tmiem il-ġimgħa, eluf ta’ Maltin u turisti qasmu l-fliegu bejn Malta u Għawdex, biex iżuru l-gżira tat-tliet għoljiet għall-jiem tal-Karnival. Dan sewa wkoll biex ġiet iġġenerata attività kummerċjali f’Għawdex f’dan iż-żmien pjuttost kwiet tas-sena.
Minkejja li f’xi waqtiet iċ-ċelebrazzjonijiet tal-karnival kienu mtappna bir-riħ u x-xita, l-attivitajiet li kellhom isiru, saru xorta kif ippjanat. Kienu bosta dawk li ħonqu t-toroq u l-pjazez tal-Belt Victoria fejn segwew l-attivitajiet u l-programmi mħejjija, kif ukoll it-toroq tan-Nadur li bħal ma jagħmlu kull sena, joffru spontanjetà u attrazzjoni partikolari lil dawk kollha li jżuruhom.
L-attività La Notte in Maschera li ġiet organizzata għall-ewwel sena mill-Kunsill tal-Kultura fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex, intlaqgħet tajjeb kemm min-nies tal-lokal kif ukoll minn bosta Maltin. Permezz ta’ din l-attività nħolqot atmosfera partikolari li kienet kumplimentata mill-ambjent tipiku ta’ l-inħawi kwieti fiċ-ċentru tal-belt Victoria.
Il-Karnival Reġjonali ta’ Għawdex se jiġi fi tmiemu għada t-Tlieta bid-defilè grandjuż tal-Karnival, li tibda fis-6.30 p.m. minn Triq ir-Repubblika bejn Pjazza Savina u Pjazza Kennedy fejn ikun hemm ukoll spettaklu ta’ żfin tal-kumpaniji parteċipanti fil-Karnival ta’ Għawdex 2010. Jieħdu sehem il-kumpaniji taż-żfin, gruppi mużikali, maskri grotteski u karrijiet trijonfali. Il-karnival spontanju tan-Nadur jagħlaq ukoll is-separju t-Tlieta filgħaxija.
Il-Karnival Reġjonali ta’ Għawdex jiġi organizzat kull sena mill-Kumitat Ċelebrazzjonijiet Nazzjonali u Reġjonali fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex, b’kollaborazzjoni mal-Kunsilli Lokali Għawdxin.
Other Press Releases:
PR261991
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL ...
PR261990