ID-DEVOLUZZJONI HIJA SOSTENN KONKRET
Is-Segretarju Parlamentari għall-Erarji Pubbliċi u Artijiet Jason Azzopardi għadda f’isem il-Gvern il-proprjetà taċ-ċentru ċiviku tax-Xagħra Għawdex lill-Kunsill Lokali biex dan jitwaqqa’ u jerga’ jinbena f’ċentru ċiviku ġdid, kif ukoll żar proprjetà devoluta ‘l Kunsill Lokali tal-Qala li ser tiġi żviluppata f’attrazzjoni turistika. Jakkumpanjah kien hemm ukoll is-Segretarju Parlamentari għall-Konsultazzjoni Pubblika u Informazzjoni Chris Said.
Jason Azzopardi stqarr li l-proġett ta’ bini ta’ ċentru ċiviku ġdid huwa ferm ambizzjuz, u joffri sfidi mhux żgħar. Madanakollu, l-ambizzjoni hija ċ-ċavetta tas-suċċess u tat-titjib tal-ħajja tar-residenti. Jason Azzopardi qal li dan huwa l-ħsieb tal-politika ta’ devoluzzjoni tal-Gvern, maħsuba li tagħti l-għodda ’l entitajiet biex iwettqu proġetti importanti u li jagħmlu d-differenza. Ma’ kull proprjetà li l-Gvern jgħaddi ’l Kunsill Lokali jew NGO, ikun qed jixhed il-valur tas-sussidjarjetà u l-fiduċja li għandu fihom.
Fil-Qala l-Gvern għadda ukoll dar fiċ-ċentru tar-raħal lill-Kunsill Lokali li ser tidawwar f’mużew tal-folklor. Jason Azzopardi stqarr is-sodisfazzjoni tiegħu għall-inizzjattiva li qed juri dan il-Kunsill Lokali biex jiġbed iktar turisti, billi joħloq niċeċ partikolari u attrazzjonijiet speċjali. Dan il-mużew għandu jiżżewweġ sewwa ma’ attivitajiet annwali li jorganizza l-istess kunsill bl-istess tema. Dan jingħaqad ukoll mas-siti ta’ interess turistiku li jeżistu fil-lokalita’ bħal-bajja ta’ Ħondoq ir-Rummien, is-Santwarju tal-Kunċizzjoni u fortizza tas-Seklu Sbatax.
Huwa qal li tal-Qala u ix-Xagħra huma biss l-aħħar tnejn minn sensiela ta’ devoluzzjonijiet li l-Gvern qed jagħmel biex jgħin direttament u b’mod konkret Kunsilli Lokali li tassew għandhom għal qalbhom il-ġid tal-lokalitajiet tagħhom, liema ġid isarrfuh f’ħeġġa u inizzjattiva għax-xogħol.
Is-Segretarju Parlamentari għall-Konsultazzjoni Pubblika u Informazzjoni, Chris Said stqarr li d-devoluzzjoni ta’ ċentru ċiviku lill-Kunsill Lokali tax-Xagħra qed jgħin biex il-Kunsill ikun eqreb lejn il-kommunità permezz tas-servizzi li se jkun qed joffri minn dan il-post meta jitlesta. Hu fakkar li t-tiġdid tal-Kunsilli Lokali ġab miegħu responsabbilitajiet ġodda flimkien ma’ iktar servizzi lejn ir-resident. Il-Gvern Lokali għandu dejjem ifittex li jilħaq l-aspetattiva tar-residenti u jara li jtejjeb il-kwalità tal-ħajja tagħhom. Biex jagħmel dan irid ikollu min fejn jopera b’mod effiċċjenti u aċċessibbli għal kulħadd, sostna Chris Said.
Waqt iż-żjara fil-Qala, Chris Said faħħar ukoll il-viżjoni u d-dedikazzjoni tal-Kunsill Lokali biex jirrestawra l-bini ta’ dik li qabel kienet l-Għassa tal-Pulizija, li ġiet devoluta lill-Kunsill Lokali biex din tiġi restawrata u tinbidel f’mużew li jippromwovi t-tradizzjonijiet u l-artiġjanat. Hu fakkar li l-Kunsill tal-Qala bbenefika minn skema ta’ fondi speċjali b’ammont ta’ €25,000 għal dan il-għan. Din l-iskema kienet intiża biex tgħin Kunsilli Lokali li għandhom proġetti u inizjattivi li huma skond ir-responsabbiltajiet ġodda li ngħataw lill-Kunsilli Lokali permezz tal-emendi li daħlu fis-seħħ fl-1 ta’ Novembru 2009.
Other Press Releases:
PR261991
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL ...
PR261990