L-ANZJANI MALTIN HUMA FIL-MAĠĠORANZA KUNTENTI BIL-ĦAJJA TAGĦHOM
Id-Dipartiment għall-Informazzjoni dwar is-Saħħa u r-Riċerka nieda rapport ieħor mill-analiżi tal-European Health Interview Survey li sar fit-tieni nofs tas-sena 2008. Dan ir-rapport huwa ffukat fuq l-istat ta’ saħħa tal-anzjani.
Is-Segretarju Parlamentari għall-Anzjani u Kura fil-Komunita, l-Onor. Mario Galea qal li minn dan ir-rapport ħarġu diversi punti mportanti, fosthom li:
• Il-Life expectancy f’Malta laħqet is-77 sena fl-irġiel u 82 sena fin-nisa, bi ftit anqas minn 60,000 persuna fuq l-eta’ ta’ 65 sena (14% mill-popolazzjoni). Huwa previst li għaxar snin oħra din il-figura titla għal 71000 jew aħjar 17% tal-popolazzjoni.
• l-indikatur Ewropew tal-Healthy Life Years juri li f’Malta, persuna ta’ 65 sena tgħix perjodu itwal ta’ żmien f’saħħitha minn bosta pajjizi Ewropej oħra. Naturalment dan ma jfissirx li l-anzjani tagħna ma jkollhomx jiffaċċjaw diffikultajiet fis-saħħa tagħhom.
• Il-mard tal-qalb u kundizzjonijiet relatati, bħall-pressjoni għolja, jidhru li huma l-akbar problema ta’ saħħa f’din il-popolazzjoni, kif ukoll huma l-kawża prinċipali ta’ mwiet.
• Minkejja li l-anzjani jidhru li jikkonsmaw ħafna frott u ħaxix, il-ħxuna u n-nuqqas ta’ attivita’ fiżika tidher li għadhom problemi mifruxa.
• l-anzjani Maltin huma fil-maġġoranza kuntenti bil-ħajja tagħhom. Fil-fatt jidher li ftit huma dawk li jħallu d-diffikultajiet ifixkluhom, iżda bosta huma dawk li jsibu mezzi oħra kif ilaħħqu mal-bżonnijiet tal-ħajja.
Is-Segretarju Parlamentari qal li riċerka bħal din hija importanti li ssir għax turina x’qed jiġri u x’se jiġri. Dan jippermetti l-Gvern biex ifassal politika li tkun addattata. Dan ir-rapport juri wkoll li l-popolazzjoni anzjana qed tiżdied u se tkompli tiżdied.
Mario Galea qal li dan narawħ ukoll fil-parteċipazzjoni dejjem akbar tal-anzjani Maltin fil-kommunita’, mhux biss għaliex dawn jippermettu ħafna ġenituri jerġgħu lura fid-dinja tax-xogħol billi jieħdu ħsieb in-neputijiet, imma anke bil-kontribut sħiħ li jagħmel dan is-settur tal-popolazzjoni fil-qasam tal-volontarjat.
Dan il-fatt jiġġenera wkoll xogħol relatat, b’mod partikolari infermiera, carers u tobba specjalizzati fil-gerjatrija. Marbut ma’ dan il-fatt se tiżdied ukoll it-talba għal servizzi lill-Anzjani.Other Press Releases:
PR261991
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL ...
PR261990