TITĦABBAR IR-RIFORMA FL-ISKEJJEL SPEĊJALI
Tħabbret riforma fl-iskejjel speċjali li issa se jsiru Ċentri ta’ Riżorsi ta’ Edukazzjoni Primarja, Edukazzjoni Sekondarja u Edukazzjoni taż-Żgħażagħ Adulti, bl-iskop li kull student ikollu edukazzjoni ta’ kwalita’ li twieġeb għall-ħtiġijiet individwali tiegħu mhux biss fil-qasam edukattiv imma wkoll mil-lat vokazzjonali, soċjali u morali.
Ir-riforma tħabbret mill-Ministru tal-Edukazzjoni, Kultura, Żgħażagħ u Sport Dolores Cristina, fl-iskola Guardian Angel fil-Ħamrun li issa se ssir Ċentru ta’ Riżorsi għall-Edukazzjoni Sekondarja. Dik li kienet l-iskola speċjali San Miguel f’Pembroke, se ssir Ċentru ta’ Riżorsi għall-Edukazzjoni Primarja; l-iskola Helen Keller se ssir Ċentru ta’ Riżorsi għall-Edukazzjoni Sekondarja ta’ Adulti Żgħażagħ; filwaqt li l-iskola Dun Manwel Attard fil-Wardija se ssir Ċentru tar-Riżorsi għall-Edukattivi ta’ Adulti Żgħażagħ.
Kull wieħed minn dawn iċ-Ċentri se jkun jifforma parti mill-Kulleġġ skond iż-żona li jinsab fiha fil-waqt li ċ-Ċentri ta’ Riżorsi għall-Edukazzjoni Primarja u Sekondarja joffru s-servizzi tagħhom lil studenti li qegħdin fl-iskejjel l-oħra mferrxa ma’ Malta u Għawdex kull meta jiġu bżonnhom. Iċ-Ċentru ta’ Riżorsi Edukattivi għal Żgħażagħ Adulti se jikkolaboraw ma’ istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni għolja biex ikun assigurat li jkun hemm rabta bejniethom.
B’hekk, l-istudenti li l-lum jattendu skejjel speċjali se jkollhom l-opportunita’ li jagħmlu esperjenza tal-fażijiet differenti fil-ħajja ta’ student u jimxu bħal studenti oħra mill-Primarja għas-Sekondarja, mis-sekondarja għal-livell ta’ adulti żgħażagħ u eventwalment għall-edukazzjoni ogħla jew għad-dinja tax-xogħol jew għal Ċentru ta’ matul il-Jum skond kif ikun meqjus l-aħjar għall-istudent.
Din il-bidla għandha twassal ukoll biex għalliema speċjalizzati jkunu jistgħu jappoġġjaw u jikkollaboraw ma’ għalliema oħra fl-iskejjel u jkunu żviluppati prattiċi tajba, metodi innovattivi u metodi ta’ tagħlim u għodda ta’ tagħlim għal sudenti bi Ħtiġijiet Edukattivi Individwali.
Iċ-Ċentru ta’ Riżorsi għall-Edukazzjoni Primarja se jilqa’ fih studenti bejn 3 u 11-il sena jew sa 13-il sena f’każ ta’ studenti li jkollhom diffikultajiet kbar u multipli biex jitgħallmu. Malli jagħlqu 13-il sena dawn l-istudenti jmorru fiċ-Ċentru ta’ Riżorsi għall-Adulti Żgħażagħ. Iċ-Ċentru tal-Edukazzjoni Primarja jaqdi wkoll il-ħtiġijiet ta’ studenti fl-iskejjel l-oħra li jkunu, u li jkollhom dikjarazzjoni ta’ bżonnijiet għax ikunu jenħtieġu servizzi speċjalizzati li jistgħu jingħataw biss f’dawn iċ-Ċentri.
Iċ-Ċentru ta’ Riżorsi għall-Edukazzjoni Sekondarja jilqa’ fih studenti fl-eta’ bejn 11 u 16-il sena li jkollhom dikjarazzjoni ta’ bżonnijiet u jipprovdi wkoll servizzi lil studenti fl-iskejjel l-oħra li jkollhom bżonn servizzi speċjali li jingħataw biss fiċ-ċentri.
Fiċ-Ċentru tar-Riżorsi għall-Edukazzjoni Sekondarja u ta’ Adulti Żgħażagħ imorru studenti fl-eta’ bejn 13 – 22 sena li għandhom diffikultajiet serji u multipli fit-tagħlim u li jkunu għaddew miċ-Ċentru tal-Edukazzjoni Primarja u li jkunu dipendenti minn ħaddieħor tul ħajjithom.
Iċ-Ċentru tar-Riżorsi Edukattivi għall-Adulti Żgħażagħ fejn kien hemm l-iskola Dun Manwel Attard fil-Baħrija, se jkun miftuħ għal studenti b’dikjarazzjoni ta’ bżonnijiet li lestew l-edukazzjoni obbligatorja. Dan iċ-Ċentru għandu jservi wkoll bħala pont ta’ tranżizzjoni biex l-istudenti jkunu jistgħu jgħaddu għal istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni ogħla jew istituzzjonijiet ta’ taħriġ vokazzjonali.
F’dawk li kienu l-iSkejjel Speċjali bħalissa hemm madwar 200 student/a fl-eta’ li tvarja minn 4 sa 22 sena u b’din ir-riforma uħud minnhom se jkollhom jiċċaqalqu wara li jitfassal pjan flimkien magħhom u l-ġenituri tagħhom, l-għalliema u speċjalisti f’dan il-qasam.
Din ir-riforma qed isseħħ wara perjodu twil ta’ konsultazzjoni li fih saru laqgħat ma’ uffiċjali edukattivi, għalliema, ġenituri, studenti, unions, il-Ministeru tal-Politika Soċjali, il-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b’Diżabilita’, rappreżentanti tal-Oppożizzjoni, is-Segretarjat Parlamentari għas-Saħħa, il-Kummissarju għat-Tfal u l-Federazzjoni tal-Organizazzjonijiet Maltin ta’ Persuni b’Diżabilita’ u nies oħra li urew interess f’dan il-proċess ta’ riforma.
Il-Ministru Dolores Cristina qalet li din ir-riforma hi maħsuba biex tipprovdi edukazzjoni ta’ kwalita’ għal kulħadd u tgħolli l-livelli ta’ edukazzjoni u ta’ kisbiet għal dawk li kienu jattendu l-iskejjel speċjali filwaqt li tipprovdi opportunitajiet u firxa usa ta’ esperjenzi lill-istudenti kollha biex jitgħallmu u jirnexxu.
Barra minn dan, it-tibdil li se jsir għandu jipprovdi struttura ta’ appoġġ għall-iskejjel, l-għalliema li jaħdmu fihom u impjegati oħra li jaħdmu f’dan il-qasam, liema struttura tkun waħda flessibbli u bażata fuq Prinċipji Edukattivi ta’ Inklużjoni u li taħdem b’mod effettiv u skond id-dikjarazzjoni ta’ bżonnijiet ta’ kull student.
Hi qalet li din ir-riforma hi parti minn proċess li issa ilu għaddej numru ta’ snin u hu proċess f’evoluzzjoni kontinwa għax il-miri ta’ edukazzjoni ta’ kwalita’ ikomplu jinbidlu. Il-Gvern jemmen li din ir-riforma hi pass ‘l quddiem li hemm bżonn jittieħed biex tibqa’ tkun assigurata edukazzjoni ta’ kwalita’ għal kulħadd, l-aktar għal dawn l-istudenti bi bżonnijiet edukattivi individwali li jattendu kemm iċ-Ċentri ta’ Riżorsi kif ukoll l-iskejjel regolari.
Il-Ministru Cristina qalet li hi konxja li din ir-riforma se toffri sfidi ġodda li l-Ministeru u d-Direttorati Edukattivi lesti li jiffaċċjaw bl-għajnuna ta’ dawk kollha nvoluti. Il-Ministru appellat għall-koperazzjoni ta’ kulħadd biex din ir-riforma tirnexxi u rringrazzjat lil dawk kollha li taw il-ħidma tagħhom biex tfasslet din ir-riforma li issa se tibda tkun implimentata.
Other Press Releases:
PR261991
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL ...
PR261990