IMNEDIJA L-ATTIVITAJIET TAL-KUNSILLI LOKALI GĦAL FRAR
Is-Segretarju Parlamentari għat-Turiżmu, l-Onor. Mario de Marco u s-Segretarju Parlamentari għall-Konsultazzjoni Pubblika u l-Informazzjoni, l-Onor. Chris Said, illum ħabbru l-attivitajiet li se jsiru matul Frar minn ħames Kunsilli Lokali li qed jibbenefikaw mill-Fond għall-attivitajiet tal-Kunsilli Lokali, iffinanzjat mill-Gvern u mill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu (MTA). Dawn il-Kunsilli Lokali huma: l-Mosta, in-Nadur, San Ġwann, San Pawl il-Baħar u x-Xewkija.
F’kelmtejn li għamel, Dr. de Marco qal li r-rwol tal-Kunsilli Lokali huwa importanti sabiex il-kalendarju tal-attivitajiet – mhux biss għall-Maltin u l-Għawdxin imma anke għat-turisti, jkun wieħed varjat, kemm fit-tip ta’ attivitajiet li jsiru, kif ukoll fuq il-medda ta’ żmien li jsiru. Huwa saħaq li dan jgħin sabiex nindirizzaw l-istaġjonalità tal-industrija turistika tagħna u kien għalhekk li saret l-iskema mill-Gvern u l-MTA sabiex tħeġġeġ aktar Kunsilli Lokali jidħlu għall-organizzazzjoni ta’ dan it-tip ta’ attivitajiet.
Huwa temm jgħid li huwa importanti li għandna s-sena kollha ppjanata, u nafu meta u fejn se jkun hemm xi attività. Dan jippermetti lill-MTA permezz tal-portal www.visitmalta.com u kif ukoll permezz tal-marketing li jsir b’mod kontinwu mill-uffiċċji u rappreżentanti tagħha barra minn xtutna, tippromwovi dawn l-attivitajiet, bil-possibbiltà ta’ organizzazzjoni ta’ tours li jiġu Malta apposta.
Dr Said stqarr li b’kollox din l-iskema qed tiffinanzja 56 attività ta’ 49 Kunsill Lokali matul is-sena 2010 b’fond ta’ €277,000. L-għan tal-iskema hu li tesponi l-identità ta’ kull lokalità u tippromwovieha permezz tal-espressjoni artistika u kulturali. Permezz tal-iskema, l-avvenimenti kulturali jkomplu jissaħħu biex ikunu fil-qalba tal-lokalitajiet.
Frar hu x-xahar assoċjat mal-Karnival. Chris Said qal li iktar ma jgħaddi ż-żmien iktar qed naraw lokalitajiet li qegħdin joħolqu l-attivitajiet tagħhom marbuta ma’ dan il-perjodu. Infatti erbgħa mill-Kunsilli Lokali qed jibbenefikaw mill-fondi tal-attivitajiet biex imorru għall-attivitajiet tal-Karnival fil-lokalitajiet tagħhom. Mill-banda l-oħra l-lokalità ta’ San Pawl il-Baħar qed tiċċelebra l-400 sena mill-bini tat-Torri ta’ Wignacourt permezz ta’ festival marbut ma’ din il-ġrajja storika.
Is-Segretarju Parlamentari stqarr li din mhix l-unika skema ta’ fondi speċjali maħsuba biex ittejjeb il-prodott turistiku fil-lokalitajiet madwar Malta u Għawdex. B’kollox il-Kunsilli Lokali għandhom 24 skema minn fejn jistgħu jibbenefikaw bħal dik ta’ restawr ta’ postijiet storiċi, kif ukoll l-iskema ta’ finanzjament lil-lokalitajiet bi bżonnijiet partikulari, li jgħin lokalitajiet milquta mill-fatt li jridu joffru servizz ta’ tindif, gbir ta’ skart, eċċ., mhux biss lir-residenti reġistrati, iżda wkoll lill-eluf ta’ nies Maltin jew turisti li jmorru fihom b’mod regolari u dan biex ilaħħqu mal-ispejjeż żejda ta' tindif u ġbir ta' skart.
L-attivitajiet tal-Kunsilli Lokali fi Frar qed jigu annessi.
Other Press Releases:
PR261991
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL ...
PR261990