IL-KUMMISSARJU GHOLI AWSTRALJAN F’MALTA TAGHMEL ZJARA TA’ KORTESIJA LIL MR SPEAKER
Il-Kummissarju Għoli Awstraljan f’Malta, l-E.T. Anne Quinane, dalgħodu għamlet żjara ta’ kortesija lill-iSpeaker tal-Kamra tad-Deputati, l-Onor. Louis Galea, fl-Uffiċċju tiegħu fil-Parlament.
Malta u l-Awstralja waqqfu relazzjonijiet diplomatiċi bejniethom sa mill-ewwel jum minn meta Malta kisbet l-Indipendenza f’Settembru 1964. Minn dakinhar, ir-rabtiet bejn iż-żewġ pajjiżi komplew jissaħħu u, kif stqarret il-Kummissarju Quinane, l-Awstralja tara li hemm ħafna potenzjal x’jiġi żviluppat ġaladarba Malta, pajjiż li huwa membru sħiħ ta’ l-Unjoni Ewropea, tgawdi daqstant stima u għandha ħbiberiji mill-qrib mal-pajjiżi ta’ l-Afrika ta’ Fuq.
L-iSpeaker irrefera għall-fatt li, għalkemm id-distanza ġeografika taż-żewġ pajjiżi minn xulxin kultant titqies bħala xkiel għall-koordinament tal-isforzi komuni bejniethom, pajjiżna żgur li jista’ jkun mezz effikaċi ħalli juri t-triq lil pajjiżi oħrajn li ma jafux biżżejjed dwar il-karattru Mediterranju kif jistgħu jersqu aktar qrib tas-swieq Ewropej u Afrikani.
Ħaġa naturali li fil-laqgħa ma’ l-iSpeaker jissemmew ukoll il-Maltin ta’ barra u l-fatt li l-Awstralja tospita l-akbar numru ta’ persuni ta’ dixxendenza Maltija fid-dinja. Louis Galea fakkar kif dawk il-Maltin li kienu emigraw minn pajjiżna tul is-seklu għoxrin, jinsabu dejjem f’qalb il-Maltin li baqgħu Malta. Bir-raġun għalhekk li l-iSpeaker iqis li l-Konvenzjoni għall-Maltin ta’ Barra li se titlaqqa’ f’Marzu li ġej mill-Ministeru ta’ l-Affarijiet Barranin Malti, se jkun avveniment importanti li għandu jqajjem l-interess u l-konkorrenza ta’ bosta oqsma tas-soċjetà Maltija.
Il-laqgħa mal-Kummissarju Għoli Quinane intemmet b’riferenza għall-ħtieġa ta’ kooperazzjoni aktar mill-qrib bejn il-Parlamenti taż-żewġ pajjiżi. Mingħajr dubju, il-fatt li kemm Malta kif ukoll l-Awstralja huma t-tnejn stati membri tal-Commonwealth għandu jħeġġeġ lill-Membri Parlamentari taż-żewġ pajjiżi ħalli jgħaqqdu l-isforzi tagħhom f’ħidma komuni għal żvilupp aħjar u titjib fil-qagħda socjali tal-Maltin u tal-Awstraljani.
Other Press Releases:
PR261991
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL ...
PR261990