IL-KUNSILL LOKALI TAN-NAXXAR B’INIZJATTIVI BIEX IŻID SOSTANZJALMENT L-ISKART LI JMUR GĦAR-RIĊIKLAĠĠ
L-Onor Chris Said, Segretarju Parlamentari għall-Konsultazzjoni Pubblika u Informazzjoni, kien preżenti għall-iffirmar ta’ ftehim bejn il-Kunsill Lokali tan-Naxxar u Green MT. Dan il-ftehim għandu jżid l-ammont ta’ skart li jmur għar-riċiklaġġ u li jinġabar fin-Naxxar minn 420 kilo fil-ġimgħa għal 1,020 kilo fil-ġimgħa.
Is-Segretarju Parlamentari Said fisser dan il-ftehim bħala pass importanti li qed jittieħed b’sens ta’ responsabbilità lejn komunità sostenibbli.
Dan il-ftehim juri l-impenn tal Iskema Green MT u l-Kunsill Lokali tan-Naxxar biex flimkien iħeġġu lin-Naxxarin biex ikomplu jisseparaw l-iskart. L-Iskema Green MT se tissuplixxi l-lokalità tan-Naxxar b’ammont sostanzjali ta’ Bring-in Sites li fihom illum qed jinġabar skart separat, kif ukoll se tara d-devoluzzjoni tal-Bring-in Sites tal-Waste Serv, li issa ser ikunu mantenuti mill-Green MT.
Diversi inizjattivi oħra ser jidħlu fis-seħħ permezz ta’ dan il-ftehim, fosthom il-provvediment ta’ Stainless Steel Bins f’ġonna pubbliċi fin-Naxxar u anke fi Playing Fields għall-użu tar-residenti. Il-Green MT se tipprovdi wkoll tmien Bring-in Sites ta’ 1,100 litru f’Baħar iċ-Ċagħaq. Dan juri l-impenn tal-Kunsill Lokali biex jinġabar iżjed skart riċiklabbli minn din il-lokalità li tagħmel parti min-Naxxar. Infatti f’din iż-żona l-iskema ser tipprovdi servizz ta’ Eco Councillors biex iżuru r-residenti bieb bieb biex b’hekk tissawwar iżjed il-mentalità ta’ separazzjoni tal-iskart fil-lokalità.
Permezz tal-iskema, il-ġbir tal-borża l-griża fin-Naxxar se jibda jsir darbtejn fil-ġimgħa u l-ispiża ser tkun imħallsa mill-iskema stess, u b’hekk il-Kunsill joffri dan is-servizz mingħajr ebda spiża addizzjonali.
Chris Said qal li l-Gvern qiegħed jinċentiva lill-Kunsilli Lokali biex jarmu inqas skart fl-engineered landfill tal-Għallis u b’hekk jibqgħalhom iktar fondi, minn dawk li jkun għaddielhom il-Gvern biex iħallsu għar-rimi tal-iskart, li jkunu jistgħu jintużaw fi proġetti ta’ tisbiħ fil-lokalità.Bħalissa hemm 24 kunsill lokali li qed iħaddem dan il-ftehim ma’ xi waħda mill-iskemi awtorizzati u 17-il Kunsill Lokali ieħor li qegħdin fl-istadju finali biex jikkonkludu ftehim ta’ dan it-tip, sostna s-Segretarju Parlamentari.
Chris Said qal ukoll li dan il-ftehim ser ikun qed jipprovdi materjal edukattiv biex jitqassam fil-lokalità, biex permezz tiegħu r-residenti jiġu mħeġġa jirriċiklaw.
Is-Sindku Maria Fatima Deguara stqarret li l-Kunsill Lokali tan-Naxxar qed iħares lejn dan il-ftehim bħala pedament sod biex l-iskart li jista’ jiġi riċiklat ikompli jinġabar b’ammonti akbar fin-Naxxar u b’hekk il-Kunsill Lokali ikun qed jikkontribwixxi wkoll biex jintlaħqu l-miri nazzjonali.
Other Press Releases:
PR261991
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL ...
PR261990