PROĠETT ESTENSIV TA’ RESTAWR GĦAL KAPPELLA MEDJEVALI F’GĦAWDEX
Il-kappella medjevali ta’ Santa Ċeċilja, l-unika waħda tat-tip tagħha li għadha teżisti f’Għawdex qed tiġi salvata minn qerda kważi totali permezz ta’ proġett estensiv ta’ restawr imniedi mill-Ministeru għal Għawdex bil-kollaborazzjoni sħiħa ta’ Baron Group u Wirt Għawdex.
Minn meta l-kappella kienet ġiet profanata fis-sena 1644 sa ftit tas-snin ilu, din il-binja kienet tintuża bħala maqjel jew kamra ta’ l-għodda. Riċentement ġiet esproprijata mill-Gvern fuq talba tal-Ministeru għal Għawdex biex ikunu jistgħu isiru xogħlijiet urġenti ta’ restawr. F’dawn l-aħħar snin il-kappella sofriet minn infiltrazzjoni ta’ l-ilma u minn attakk serju ta’ vandaliżmu li kkawżaw ħsara kbira lill-kappella.
Wieħed mill-ħitan ta’ barra tal-kappella li waqa’ wara xita’ qawwija s-sena l-oħra reġa’ nbena mill-ġdid fil-waqt li s-saqaf tal-kappella li kien sfronda reġa sar mill-ġdid minn materjali tradizzjonali li kienu użati oriġinarjament. Il-ħitan tas-sejjieħ madwar il-kappella ġew irranġati u mibnija mill-ġdid.
Il-Ministru għal Għawdex Giovanna Debono għamlet żjara fuq il-post biex tara l-proġress tax-xogħlijiet. Hija kienet akkumpanjata minn rappreżentanti ta’ Wirt Għawdex u Baron Group kif ukoll mid-Direttur tal-Proġetti u Żvilupp. Il-Perit inkarigata mir-restawr, Ivana Farruġia spjeġat f’hiex jikkonsisti x-xogħol ta’ restawr. Il-Ministru rringrazzjat lill-Baron Group li qed jisponsorjaw ir-restawr kollu ta’ dan il-monument u ħeġġet biex organizzazzjonijiet oħra jieħdu l-eżempju u jisponsorjaw proġetti ta’ dan it-tip.
Wara t-tlestija ta’ l-ewwel fażi ta’ restawr li kien jirrigwarda t-tisħiħ u l-konsolidazzjoni tal-binja minn barra, il-proġett issa daħal fit-tieni fażi tiegħu li ser jindirizza l-problema ta’ l-infiltrazzjoni ta’ l-ilma mill-fili li qatt ma kienu mkaħħla u t-tindif u r-restawr tal-kappella minn ġewwa. Meta titlesta, din il-kappella ser tkun immexxija minn Wirt Għawdex għan-nom tal-Ministeru għal Għawdex u ser tintuża fost l-oħrajn bħala sala tal-konferenzi u wirjiet.
Other Press Releases:
PR261991
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL ...
PR261990