STQARRIJA MILL-MINISTERU TAL-EDUKAZZJONI, KULTURA, ŻGĦAŻAGĦ U SPORT
Il-Partit tal-Oppożizzjoni juża lill-istudenti tal-MCAST għal gwadann politiku
Bi sforz kbir biex jagħmel gwadann politiku, il-Partit tal-Oppożizzjoni qiegħed juża l-istudenti tal-MCAST b’mod l-aktar qarrieqi u diżonest. L-ebda student li ried jagħmel kors fl-MCAST u kellu l-kwalifiki meħtieġa, ma kien rifjutat li jagħmel dan.
F’rikostruzzjoni fuq il-mezzi tax-xandir tal-Partit tal-Oppożizzjoni, qed tingħata l-impressjoni li hemm studenti li ma tħallewx jagħmlu l-kors li xtaqu minħabba nuqqas ta’ fondi. Dan mhux veru.
Illum fl-MCAST hemm aktar minn 5,000 student u studenta li qed igawdu minn opportunitajiet ta’ studju u taħriġ. Fl-istess waqt li jkunu qed jistudjaw, jingħataw ukoll stipendju li hu ta’ aktar minn €1,000 fis-sena.
Kull student tal-MCAST fil-bidu ta’ kull sena tal-kors tiegħu, jingħata smart card b’valur ta’ €230 u barra minn dan jingħata wkoll €83.86 kull 4 ġimgħat għal 10 darbiet. Dan ifisser li kull student tal-MCAST, inkluż l-istudenti li qed jirreferi għalihom il-Partit tal-Oppożizzjoni, kull sena jirċievu bħala stipendju €1068.
Barra minn dan, jekk student ikun ġej minn familja bi dħul baxx, dan jingħata stipendju supplimentari jekk japplika għalih, u allura jirċievi €1,488 fis-sena flok dak li jieħdu studenti oħra.
Studenti li jkunu qed jagħmlu apprendistat ikollhom dħul li jkun mill-anqas €47.75 fil-ġimgħa tul iż-żmien li jkunu qed jagħmlu t-taħriġ.
Nhar il-Ħadd li għadda, l-Kap tal-Oppożizzjoni Joseph Muscat semma każ ta’ student li jattendi l-MCAST li qal li ma kienx reġistrat għal kors, għax ma kellux biex iħallas; u l-MCAST ma kellux flus biex jgħinu. Id-deputati Laburisti Evarist Bartolo u Marie Louise Coleiro komplew b’din l-istorja qarrieqa f’artikli u kummenti li taw.
Studenti fl-MCAST, fil-kors tal-istudji tagħhom, jagħmlu eżamijiet organizzati minn istituzzjoni barranija (kif kienu jagħmlu sa ftit snin ilu l-istudenti tal-iskejjel sekondarji li kienu jagħmlu l-GCE). Hemm ħlas biex wieħed jagħmel dawn l-eżamijiet.
Jekk student qed jagħmel kors fil-livell ta’ 1st Diploma, il-ħlas għall-eżami tal-BTEC hu ta’ €284.18; jekk hu fil-livell ta’ National Diploma, l-eżami jiswa €351.74 u jekk fil-livell ta’ Higher National Diploma, l-eżami jiswa €372.70.
L-applikazzjonijiet biex studenti jagħmlu dawn l-eżamijiet għalqu fil-15 ta’ Diċembru u jekk xi ħadd japplika tard, ikun irid iħallas penali. L-MCAST min-naħa tiegħu, irreġistra lill-istudenti kollha għal dawn l-eżamijiet biex jevitalhom li jeħlu l-penali. Il-Bord tal-Eżamijiet barranin imbagħad jibgħat kont lill-MCAST li min-naħa tiegħu jiġbor il-ħlasijiet mingħand l-istudenti.
Il-ħlas għal dan l-eżami jista’ jsir bi smart card u għal din ir-raġuni l-card ta’ dawn l-istudenti toħroġ kmieni biex ikunu jistgħu jħallsu biha mingħajr diffikulta’.
L-MCAST ircieva numru ta’ talbiet għal għajnuna finanzjarja b’konnessjoni ma’ dawn l-eżamijiet. Dawn it-talbiet jinqasmu f’erba’ kategoriji. Hemm studenti li titħallsilhom il-miżata kollha, oħrajn li jingħataw 75% tal-miżata bi ftehim li l-bqija jħallsuh f’żewġ pagamenti lil MCAST; oħrajn għandhom arranġament li jħallsu f’erba’ ħlasijiet fuq medda ta’ żmien. Oħrajn ma jikkwalifikawx għal din l-għajnuna skond il-kriterji stabbiliti.
Din m’hix l-ewwel sena li kien hemm dawn l-arranġamenti u qatt ma kien hemm xi student li baqa’ mingħajr l-opportunita’ li jagħmel l-eżamijiet.
Dan juri l-ipokresija tal-Partit tal-Oppożizzjoni dwar dan il-każ. Ma jsemmi xejn l-għajnuna kbira li l-istudenti Maltin, fosthom dawk li jattendu l-MCAST, jingħataw taħt forma ta’ stipendji mill-Gvern, li uħud mill-kelliema tiegħu spiss jitkellmu kontrihom, u jipprova jinqeda biż-żgħażagħ biex jagħmel gwadann politiku.
Other Press Releases:
PR261991
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL ...
PR261990