‘L FUQ MINN 30,000 STUDENT TAL-PRIMARJA JIBDEW JINGĦATAW KONTENITUR MIMLI FROTT JEW ĦAXIX
Dalgħodu l-Ministru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali George Pullicino żar l-iskola primarja ta’ Santa Monica fil-Gżira, fejn għal din l-iskola, illum kienet l-ewwel ġurnata ta’ tqassim ta’ kontenitur mimli frott jew ħaxix li se jibda jingħata lill-istudenti darba fil-ġimgħa.
Il-kontenituri mimlija frott jew ħaxix se jkunu varjati skond il-frott u l-ħaxix li jikber f’staġuni differenti. It-tfal mhux biss se jingħataw dan il-kontenitur li fuqu għandu informazzjoni nutrittiva, iżda huma se jieklu l-ħaxix jew il-frott frisk waqt break għal tal-apposta, sabiex jingħataw ukoll informazzjoni marbuta mal-importanzza tal-frott u haxix fl-ikel li jiġi kkunsmat ta’ kull jum minn kulħadd. Din l-iskema għandha wkoll l-għan li turi u tgħallem lit-tfal ix-xogħol tal-bdiewa tagħna u l-ħidma u s-sagrifiċċju li huma jagħmlu sabiex jipproduċi prodott frisk u bnin. Filfatt, din l-iskema tinkludi wkoll numru ta’ attivitajiet li se jkunu organizzati, bħal żjajjar f’għelieqi u laqghat edukattivi marbuta ma’ l-importanzza li wieħed jiekol il-frott u l-ħaxix.
Dan li beda din il-ġimgħa huwa investiment fis-saħħa ta’ ’l fuq minn 30,000 tifel u tifla ta’ bejn it-tlieta u l-għaxar snin li se jkunu qed jingħataw ammont ta’ frott jew ħaxix fil-ġimgħa. Din l-inizjattiva ko-finanzjata mill-Unjoni Ewropea, għandha tgħin sabiex it-tfal tagħna jibdew jagħżlu aktar li jikkunsmaw frott jew ħaxix flok ikel ieħor.
Din is-sena, peress li mhux il-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea pparteċipaw f’din l-inizjattiva l-allokazzjoni għal Malta żdiedet mir-rata stabbilita ta’ €175,000 għal €226,000. B’kollox din is-sena qed isir investiment fit-tfal ta’ ’l fuq minn €300,000.
Il-Ministru Pullicino semma wkoll l-importanza ta’ aktar għarfien dwar il-konsum ta’ prodott frisk u bnin, filwaqt li ħabbar li l-ewwel festa fil-kalendarju tal-attivitajiet tal-kampanja Naturalment Malti għas-sena 2010 se ssir nħar il-Ħadd 31 ta’ Jannar fil-ġonna tal-Palazz Presidenzjali f’San Anton u se tkun iffukata fuq iċ-ċitru.
Other Press Releases:
PR261991
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL ...
PR261990