INĊENTIVI GĦAN-NEGOZJI Ż-ŻGĦAR BIEX NIXPRUNAW L-EKONOMIJA MALTIJA
Il-ħolqien tax-xogħol jibqa’ prijorità tal-ħidma tal-Gvern. Għalhekk il-Gvern qed iħabbar inċentiv importanti għas-self employed u s-sidien tan-negozji ż-żgħar biex dawn jiġġeneraw l-attività ekonomika u joħolqu iżjed postijiet tax-xogħol f’pajjiżna. Dan qalu l-Ministru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment Tonio Fenech waqt it-tnedija ta’ MicroInvest, skema ta’ tax credits għall-intrapriżi li jħaddmu anqas minn għaxra min-nies. “B’kollox hemm il fuq minn 28,000 intrapriża li tikkwalifika, u nħeġġeġ lil kulħadd eliġibli jissieħeb biex flimkien nkomplu nkabbru l-ekonomija u noħolqu l-impjiegi”.
Din l-iskema, li kienet tħabbret waqt il-budget għall-2010, u li se titħaddem mill-Gvern permezz tal-Malta Enterprise, se tippermetti lin-negozjanti ż-żgħar li jinvestu fin-negozju tagħhom, kemm f’makkinarju u tagħmir ġdid, vetturi marbuta man-negozju, fir-rinnovazzjoni tal-bini tan-negozju u anke min jimpjega persuni ġodda, li jingħataw 40% lura min-nefqa tagħhom permezz ta’ tax credits. Dan se jitla’ għal 60% fil-każ ta’ Għawdex. Il-limitu massimu tal-għajnuna se jkun ta’ €25,000.
Il-Ministru Tonio Fenech ta ħarsa lejn l-isfidi li ltaqa’ magħhom il-pajjiż tul l-2009, u sostna li dawn se jibqgħu preżenti fis-sena li għadna kif bdejna. Huwa fakkar kif statistika riċenti tal-Eurostat uriet li l-qgħad fiż-żona ewro miss għall-ewwel darba l-10%, żieda ta’ prattikament 2% fi żmien sena. Dan ifisser li f’sena minn 18-il miljun persuna bla xogħol, fl-Ewropa illum għandna 23 miljun.
“Pajjiżna wkoll ħass l-impatt, għalkemm kellu t-tielet l-iċken żieda fl-UE. Dan ġara għaliex investejna sostanzjalment aktar fit-turiżmu, fil-kumpaniji li kienu qed jaffaċjaw diffikultajiet u għaliex f’kull deċiżjoni li ħadna żammejna f’moħħna l-ħtieġa li nħarsu l-postijiet tax-xogħol”. Tonio Fenech spjega li l-Gvern jemmen li l-intrapriżi żgħar ta’ pajjiżna jistgħu jkunu l-mutur tal-ħolqien tax-xogħol u dan l-inċentiv qed jagħtihom għodda u opportunità biex jagħmlu dan.
“Dan hu Gvern sensittiv lejn il-ħtiġijiet tal-ħaddiema u tal-familji tagħhom. Nafu li wara kull impjieg hemm ħaddiem, hemm l-ulied u għalhekk l-impenn tagħna hu li nħarsu l-impjiegi u ngħinu biex jinħolqu aktar postijiet tax-xogħol. Filwaqt li l-Gvern jagħti importanza lill-investiment barrani u għalhekk ħadem biex jirbaħ il-kompetizzjoni biex l-SR Technik tinvesti f’Malta u toħloq 350 impjieg ġdid, il-Gvern jagħti importanza lill-investituri lokali kemm kbar kif ukoll żgħar.”
Huwa sostna li din hija deċiżjoni meħuda b’responsabbiltà li se jkollha mpatt fuq id-dħul tal-pajjiż. Il-Gvern jemmen fl-importanza tas-sostenibbiltà tal-finanzi iżda b’għaqal iddeċieda li issa huwa l-mument li nagħtu dan l-inċentiv li jixpruna l-ekonomija Maltija.
L-inċentiv huwa disponibbli għal sentejn mill-1 ta’ Jannar 2010 sal-31 ta’ Diċembru 2011. Għal aktar informazzjoni wieħed jista’ jagħmel kuntatt mal-MaltaEnterprise fuq 25422020 jew email microinvest@maltaenterprise.com.
Other Press Releases:
PR261991
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL ...
PR261990