IL-PRESIDENT TAL-KAMRA TAD-DEPUTATI TAL-ITALJA, L-ONOR. GIANFRANCO FINI, GĦAL ŻJARA UFFIĊJALI F’MALTA
Il-President tal-Kamra tad-Deputati tal-Italja, l-Onorevoli Gianfranco Fini, se jagħmel żjara uffiċjali f’Malta nhar l-Erbgħa 20 ta’ Jannar 2010, fuq stedina li saritlu s-sena li għaddiet mill-iSpeaker tal-Kamra tad-Deputati ta’ Malta, l-Onorevoli Louis Galea.
L-Onorevoli Fini se jkollu laqgħat ma’ l-iSpeaker tal-Kamra tad-Deputati, l-Onor. Louis Galea u mal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin u Ewropej tal-Parlament Malti.
Matul iż-żjara tiegħu, l-Onorevoli Fini se jagħmel żjara ta’ kortesija lill-President ta’ Malta fil-Palazz il-Belt u se jiltaqa’ ukoll mal-Prim Ministru Lawrence Gonzi, mal-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin Tonio Borg, kif ukoll mal-Kap ta’ l-Oppożizzjoni Joseph Muscat. Qabel jitlaq minn Malta l-Onorevoli Fini ser iżur is-Segretarjat tal-Assemblea Parlamentari tal-Mediterran (PAM) f’Palazzo Spinola, San Ġiljan.
L-Onorevoli Fini huwa meqjus bħala personalità influwenti fil-qasam politiku Taljan. Bejn is-sena 2001 u l-2006, huwa serva bħala Viċi Prim Ministru fit-tieni u t-tielet leġislatura mmexxija mill-Prim Ministru Silvio Berlusconi. Huwa kien ukoll Ministru għall-Affarijiet Barranin ta’ pajjiżu bejn l-2004 u l-2006. Gianfranco Fini inħatar President tal-Kamra tad-Deputati tal-Italja fit-30 ta’ April 2008.
Other Press Releases:
PR261991
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL ...
PR261990