Left arrow Go Back

IL-GVERN ISOSTNI LILL-KUNSILLI LOKALI F’ATTIVITAJIET BIEX IŻIDU L-KUMMERĊ LOKALI U JSAĦĦU L-IMPJIEGI

PR0029
Date Icon 08/01/2010

Il-Gvern qiegħed jgħin lill-Kunsilli Lokali biex jorganizzaw aktar attivitajiet fuq livell lokali biex jiġbdu aktar Maltin u turisti lejn il-lokalità u b’hekk jitkattar il-kummerċ lokali.  Il-Kunsilli Lokali qed ikunu stimolu għall-attività ekonomika lokali, biex jiżdied in-negozju u jissaħħu l-impjiegi fil-lokalitajiet tagħna.   

Dan qalu l-Prim Ministru Lawrence Gonzi waqt ċerimonja ta’ rikonoxximent li saret biex tesponi aktar ix-xogħol li qed iwettqu l-Kunsilli Lokali f’Malta u f’Għawdex.  Waqt din iċ-ċerimonja ngħataw il-Local Enterprise Award u l-Green Challenge Award.  Kunsilli Lokali b’appoġġ finanzjarju u bi skemi mfassla mill-Gvern ħadu inizjattivi biex jiġġeneraw aktar negozju u jsaħħu l-kultura ambjentali.  Dawn ir-rikonixximenti lill-Kunsilli Lokali se jibdew jingħataw kull sena. 

Matul l-2010 se jsiru aktar minn 20 skema differenti, li jvarjaw minn dawk dwar il-bini ta’ toroq lokali, in-negozju u l-kummerċ, l-ambjent u l-enerġija alternattiva, l-attivitajiet sportivi u l-edukazzjoni.   

Il-Prim Ministru qal li l-Kunsilli Lokali llum m’għandhomx marbuta biss mal-indafa u l-manutenzjoni tal-bankini, li huma importanti, izda għandhom responsabbiltajiet u qed jidħlu f’oqsma ġodda, inkluż dawk soċjali, edukattivi, kulturali, ambjentali u ta’ żieda fin-negozju permezz tal-attivitajiet. 

Il-Prim Ministru rrefera għad-diversi inizjattivi ambjentali li qed jittieħdu mill-Kunsilli Lokali fosthom użu ta’ enerġija aktar nadifa, tħawwil ta’ aktar siġar u ħolqien ta’ spazji ġodda.  Hu qal li inizjattivi bħal dawn għandhom impatt pożittiv fuq din il-ġenerazzjoni u l-ġenerazzjonijiet li ġejjin. 

Hu rringrazzja lis-Sindki, Viċi Sindki, Kunsillieri u l-impjegati tal-Kunsilli Lokali tax-xogħol li qed iwettqu.  “Bħala Malti li nħobb lil pajjiżi, nagħraf l-impenn tagħkom li minnu qed igawdi l-poplu tagħna”, sostna l-Prim Ministru. 

Il-Ministru tal-Finanzi, l-Ekonomija u l-Investiment Tonio Fenech qal li f’pajjiżna qed naraw żvilupp fejn qed tinħoloq kultura favur in-negozju lokali.  Dan qiegħed isir b’impenn min-naħa tal-Gvern li qiegħed ifassal skemi apposta biex jiġu ġenerati aktar impjiegi fil-lokalijiet tagħna.   

Hu qal li fil-budget ghal din is-sena, l-Gvern ћabbar ukoll żewġ inizjattivi li minnhom jistgћu jibbenefikaw l-aktar negozjanti zgħar u medji li jinsabu fil-qalba tal-ibliet u l-irħula tagħna. Min jinvesti fin-negozju jew il-ћanut tiegћu jingћata 40% tal-investiment tiegћu lura billi jitnaqqsu mit-taxxa.  Il-Gvern qed jagħti inċentivi billi aktar ma sid ta’ ħanut jinvesti, anqas iħallas taxxa.  Skema oħra hija  ta’ self gћall-investiment b’rati tal-imgћax vantaġġjużi. 

Hu qal li llum qed issir attività li tiġbed nies minn kull lokalità, prattikament kull weekend, fejn eluf ta’ familji u turisti jżuru attivitajiet bħalma saru fl-Imtarfa:  Military Mtarfa; Birgu by Candlelight; fieri agrarji fis-Siġġiewi; u attivitajiet kulturali u ta’ spettaklu bħal dik li saret f’San Pawl il-Baħar.  Tonio Fenech qal li l-Gvern hu impenjat li jkompli jsostni dawn l-attivitajiet billi joffri appoġġ finanzjarju lill-Kunsilli Lokali li jorganizzaw dawn it-tip ta’ attivitajiet. 

Waqt iċ-ċerimonja ta’ rikonoxximent lill-Kunsilli Lokali, diversi sidien ta’ ħwienet u negozji zgħar tkellmu dwar kif permezz tal-attivitajiet li qed jorganizzaw il-Kunsilli Lokali, żdidilhom in-negozju tagħhom.  Huma qalu li attivitajiet bħal dawn iservu biex isir reklami għall-hwienet u n-negozji ma’ nies li ma jkunux mil-lokalità. 

Is-Segretarju Parlamentari għall-Konsultazzjoni Pubblika u Informazzjoni Chris Said qal li filwaqt li l-Gvern qed ipoġġi miri ambizzjużi għall-Kunsilli Lokali, qiegħed joħroġ bi skemi differenti biex iwettqu aktar ġid għar-residenti tal-lokalità tagħhom.   

Chris Said qal li matul din is-sena l-Gvern se jniedi skemi biex l-attivitajiet fil-lokalitajiet jirduppjaw; skema oħra se tkun biex tgħin lir-residenti jneħħu l-aerials minn fuq il-bjut; se jingħataw għajnuniet għall-attivitajiet sportivi u se jsiru aktar skemi ambjentali, biex tizdied l-aċċessibilità, biex it-tfal jiġu mħarsa billi jitnaqqas il-periklu f’postijiet pubbliċi u skemi edukattivi. 

Is-Segretarju Parlamentari qal li għal din is-sena, il-Gvern qed jagħti €31 miljun  lill-Kunsilli Lokali.  Minbarra dan, il-Gvern qiegħed jgħin lill-Kunsilli biex jiksbu aktar fondi mill-Unjoni Ewropea.  Fl-ewwel ħames snin tas-sħubija, il-Kunsilli bbenefikaw minn €1.8 miljun, filwaqt li fl-2009 il-Kunsilli ħadu €3.8 miljun.  Billi għal kull proġett li jsir, parti mill-finanzjament irid isir mill-Kunsill, il-Gvern daħħal skema li jgħin lill-Kunsilli fil-ko-finanzjament ta’ proġetti li jsiru b’fondi tal-Unjoni Ewropea. 

Il-Green Challenge Award intrebaħ mill-Kunsill Lokali ta’ Ħ’Attard, filwaqt li fit-tieni post ġie l-Kunsill ta’ San Lawrenz.  Il-Kunsill tal-Mellieħa rebaħ il-Local Enterprise Award filwaqt li fit-tieni post ġie l-Kunsill tal-Birgu. 

Biex wieħed jara l-Kunsill Lokali finalisti u rebbieħa, flimkien mal-inizjattivi li wettqu, jista’ iżurwww.opm.gov.mt/kunsilli.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL  Tittella’ r-raba’ edizzjoni ta’ Porkilicious: inizjattiva li tgħaqqad il-gastronomija u s-sostenibbiltà tal-ikel mal-appoġġ għall-Malta Community Chest Fund

PR261991

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT  “L-intelliġenza artifiċjali għandha tkun għodda mħaddma tajjeb, filwaqt li qatt ma tista’ tieħu r-rwol fundamentali tal-edukaturi” – Il-Ministru Byron Camilleri fi Brussell

PR261990

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT “L-intelliġenza arti...

More Press Releases Right arrow