IL-VIĊI PRIM MINISTRU TONIO BORG FUQ ŻJARA UFFIĊJALI FL-INDJA
Il-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin Tonio Borg illum ħalla Malta għal żjara uffiċjali fl-Indja. Matul din iż-żjara, huwa se jinawgura l-Kummissjoni Għolja Maltija fl-Indja, kif ukoll Konsolat Malti f’Chennai.
Chennai hija magħrufa bħala belt Marittima b’kuntatti tajbin ħafna f’dan is-settur. Din iż-żjara se tkun qed tgħin biex jissaħħu r-relazzjonijiet bilaterali bejn iż-żewġ pajjiżi, li kienu ġew stabbiliti fl-1965. Il-Ministru Tonio Borg se jkun qed jiffirma ftehim bilaterali waqt din iż-żjara li għandha l-għan li ssaħħaħ ir-relazzjonijiet bejn Malta u l-Indja fuq bosta livelli, fosthom dawk politiċi, ekonomiċi u kulturali.
Hemm potenzjal sabiex jitkattru r-rabtiet kummerċjali bejn Malta u l-Indja. Bħalissa qed issir ħafna ħidma biex jitjiebu l-kuntatti f’dan il-qasam tant li ftit tal-ġimgħat ilu, il-Malta Enterprise tellgħet delegazzjoni kummerċjali b’saħħitha fl-Indja li permezz tagħha ġew organizzati għadd ta’ laqgħat bejn imprendituri Maltin u negozjanti Indjani. Huwa ppjanat ukoll li jsiru numru addizzjonali ta’ laqgħat bejn rappreżentanti ta’ kumpaniji kbar u rappreżentanti minn Malta.
Matul is-sena li għaddiet inġibdu f’Malta tliet films minn kumpaniji Indjani tal-films, filwaqt li fil-qasam edukattiv hemm interessi kbar bejn iż-żewġ pajjiżi tant li l-Universita’ ta’ Malta timpjega persuna li taħdem mal-Kummissjoni Għolja Maltija f’Delhi sabiex tħeġġeġ is-setturi edukattivi tal-post jibagħtu studenti jistudjaw fl-Universita’ ta’ Malta.
Attwalment jeżistu għadd ta’ ftehim bejn Malta u l-Indja, fosthom dwar il-kultura, il-koperazzjoni xjentifika, ekonomika u teknoloġika; ftehim dwar il-Ħelsien mit-Tassazzjoni Doppja; ftehim ieħor dwar is-servizzi tal-ajru kif ukoll jeżisti memorandum ta’ għarfien dwar il-Konsultazzjoni Politika. Intant huwa mistenni li l-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin Tonio Borg jiffirma ftehim ieħor mal-INTACH li hija organizzazzjoni mhux governattiva li twaqqfet fis-snin tmenin sabiex tipproteġi l-wirt kulturali u storiku tal-pajjiż.
L-aħħar indikaturi ekonomiċi juru li fl-2008 l-Indja kellha rata ta’ tkabbir ta’ 1.5 fil-mija. Filwaqt li r-rata ta’ qgħad kienet ta’ 6.8 fil-mija u l-inflazzjoni telgħet għal 7.8 fil-mija.
Kien hemm żieda qawwija kemm fl-importazzjoni kif ukoll fl-esportazzjoni fl-aħħar ħames snin. Fl-2004 Malta kienet timporta b’total ta’ 13-il miljun ewro, din iċ-ċifra telgħet għall-kważi 32 miljun ewro fl-2008. L-esportazzjoni żdiedet minn 400,000 ewro għal 3 miljun ewro fl-istess perjodu ta’ żmien. Fost l-iktar materjal li Malta tesporta lejn l-Indja hemm dawk marbuta mal-kimika u materjal iehor bħal ħadid u makkinarji mekkaniċi.
Other Press Releases:
PR261991
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL ...
PR261990