Messagg tal-Milied u l-Ewwel tas-Sena mill-Prim Ministru, l-Onor. Lawrence Gonzi
pr2231
24/12/2009
| F’din l-okkażjoni speċjali, | tal-Milied u f’għeluq din is-sena u l-bidu ta’ sena ġdida, niċċelebraw kulma huwa tajjeb u sabiħ fis-soċjetà tagħna. Huma żminijiet fejn niltaqgħu u ningħaqdu aktar. Hu ż-żmien li nħarsu lejn il-kisbiet li għamilna flimkien u naraw it-triq ’il quddiem. |
| L-istorja tagħna hi xhieda | mill-aqwa ta’ kemm aħna bħala poplu rnexxielna nibnu l-ħajja tagħna, politika u kulturali, fuq il-valuri li huma ffesteġġjati bil-kbir f’dan iż-żmien tas-sena. Għalhekk il-Milied għalina huwa okkażjoni mill-aqwa biex nifirħu b’xulxin, waqt li dejjem niftakru kemm aħna midjunin lejn niesna tal-imgħoddi li ħallewlna pajjiż uniku bħal dan. Pajjiż ta’ valuri sodi, mogħni b’tant tradizzjonijiet sbieħ li lkoll jinġabru, appuntu, fil-valuri li l-messaġġ tal-Milied irid iwassal lil kulħadd, lin-nies kollha ta’ rieda tajba. |
| Aħna impenjati, Gvern u poplu, | li naraw lil dawn il-valuri jgħaddu lil uliedna u lil ulied uliedna. Irridu naraw li din it-tradizzjoni ma jkun hemm xejn li jfixkilha u jaqtagħha. Irridu nkunu aħna li niggarantixxu din il-kontinwità. |
| Qabelxejn, il-valur | tas-solidarjetà. Irridu nkomplu nitħabtu biex ikollna soċjetà li tieqaf ma’ dawk kollha li għandhom l-akbar bżonn. Soċjetà li tħaddan, li tinkludi, bla ma teskludi lil ħadd taħt ebda skuża jew prinċipju li jifred u jaqsam u jħalli barra. Aħna impenjati li, kif ifisser l-istess messaġġ permanenti tal-Milied, inkomplu nibnu soċjetà li fiha huwa inkluż kulħadd. Irridu naraw ambjent li fih kulħadd jaf il-parti tiegħu, kulħadd ikun kuntent li jifforma parti mill-familja nazzjonali waħda li hi l-familja tagħna l-Maltin u l-Għawdxin. |
| Minbarra l-valur | tas-solidarjetà, minbarra l-valur tal-għajnuna diretta, immedjata u konkreta, lil kull min ikollu bżonn, aħna nemmnu li l-ġustizzja sseħħ skont kemm jirnexxielna noħolqu l-impjiegi, ix-xogħol. Irridu li noħolqu impjiegi ġodda biex kulħadd isib ix-xogħol li hu dritt ta’ kulħadd. Dan hu l-ħsieb kontinwu tagħna, prijorità assoluta. L-impenn tagħna favur l-impjiegi jfisser li waqt li nikkonsolidaw u nsaħħu l-kisbiet kbar li għamilna flimkien matul iż-żmien, jirnexxielna wkoll, naturalment skont is-sinjali ta’ żmienna, noħolqu impjiegi ġodda, impjiegi li jkopru l-bżonnijiet kollha tal-pajjiż. |
| Naturalment iridu jkunu impjiegi | li joffru opportunità biex kulħadd iħaddem it-talenti tiegħu b’riżq il-pajjiż. B’hekk ix-xogħol jagħti dinjità, u allura kulħadd iħoss li għandu sehem uniku fis-soċjetà. |
| Nafu wkoll li d-dinja għaddejja | minn kriżi ekonomika serja ħafna. Biex nifhmu r-realtà ta’ pajjiżna, jaqbel dejjem li nikkonsidraw x’qiegħed jiġri lil hinn minn xtutna. Biżżejjed wieħed isegwi l-mezzi tal-komunikazzjoni barranin, ir-radju, it-televiżjoni u l-gazzetti ta’ kull pajjiż biex jaġġorna ruħu dwar fejn ninsabu f’din il-kriżi. Hi kriżi ta’ dinja globalizzata, dinja li saret pajjiż, raħal wieħed. |
| Pajjiżna, minkejja kull | diffikultà li laqtet ovvjament lilna lkoll, irnexxielna nagħmlu sforzi għaqlin biex inrażżnu kemm jista’ jkun lil din il-mewġa li laqtet lil kulħadd. Ħdimna flimkien u ġara li l-effett ta’ din il-kriżi naqqasnih kemm stajna. |
| Minkejja d-diffikultajiet kollha | ta’ dan iż-żminijiet, il-kelma ewlenija tagħna lil kulħadd kienet u se tibqa’ waħda: kuraġġ. Aħna nemmnu fil-kapaċitajiet ta’ niesna, fil-bżulija ta’ kull kategorija tas-soċjetà tagħna. Nemmnu fl-adulti u fl-anzjani li lkoll ġibdu ħabel wieħed biex għandna dan il-livell għoli ta’ għixien li qed ngħixu llum. Nemmnu fit-tfal u fiż-żgħażagħ tagħna, fejn qegħdin iħejju ruħhom biex fi ftit snin, jekk il-Bambin irid, isibu posthom huma wkoll fid-dinja tax-xogħol. Nemmnu f’min iħaddem li qed jinvesti ġidu biex joħloq ix-xogħol jew ikabbar in-negozju tiegħu. Nemmnu fil-ħaddiema li huma l-aqwa riżors ta’ pajjiżna. |
| U allura, nagħmlu kuraġġ għaliex | nafu li dan l-impenn tagħna huwa mibni fuq is-sod. Hu mibni fuq l-għarfien tal-karattru Malti, fuq il-kwalitajiet li aħna għandna bħala poplu, fuq id-determinazzjoni li dejjem urejna biex minn daqsxejn ta’ gżira rnexxielna nibnu nazzjon u stat. Huwa stat li llum għandu postu bid-dinjità u bid-drittijiet kollha mhux biss fil-familja kbira tal-ġnus imma anki fost il-membri tal-Unjoni Ewropea. |
| Irridu nkomplu nibnu fuq dan | kollu. Nagħmlu dan billi ninvestu u billi nkomplu nkabbru l-ġid bis-saħħa tal-fiduċja tagħna fina nfusna. Nemmnu fl-għaqal li għandu pajjiżna, l-għaqal li bih nifhmu liema huma l-opportunitajiet possibbli u liema huma mbagħad l-opportunitajiet li jgħoddu l-aktar għal pajjiżna. |
| Fl-okkażjoni tal-Milied ta’ din | is-sena ma nistgħux ma niftakrux ukoll li s-sena d-dieħla se tkun sena speċjali għalina. Apparti li se nfakkru r-rabta antika ta’ pajjiżna mal-ġrajja storika tal-miġja ta’ San Pawl, ġrajja ta’ importanza, is-sena d-dieħla se tkun is-sena li fiha se jidħol fl-istorja ta’ Malta Papa ieħor. Il-miġja tal-Papa Benedittu XVI f’pajjiżna se tkun ukoll okkażjoni ta’ ferħ kbir għalina u għall-familji tagħna kollha. |
| Nittamaw li ż-żjara tal-Papa | Benedittu f’April li ġej tkompli tenfasizza l-valur suprem tal-aqwa kwalitajiet morali u kulturali li ddistingwewna. Nittamaw li din il-ġrajja tkompli tiżviluppa fina x-xewqa li jkollna għaqda akbar bejnietna, minkejja naturalment id-differenzi. Nittamaw li aħna lkoll, politiċi u poplu, partiti politiċi u soċjetà ġenerali, inkunu kapaċi nisiltu l-aqwa frott minn din l-okkażjoni rari li se sseħħ. |
| Tul is-sena d-dieħla se nkomplu | nibnu fuq il-kisbiet kbar li seħħilna nagħmlu lkoll flimkien. Se nkomplu naħdmu biex inkattru x-xogħol, se nkomplu nfittxu investimenti ġodda, u fuq kollox se nkomplu naħdmu biex ikollna soċjetà li ma teskludi lil ħadd. L-istaġun tal-Milied huwa aktarx l-aqwa okkażjoni biex ilkoll flimkien nifirħu b’dak kollu li rnexxielna nagħmlu waqt li naturalment nittamaw, jekk Alla jrid, li s-sena l-ġdida tkun għalina okkażjoni oħra, anki aħjar, biex inkomplu miexja fit-triq tajba li qbadna. Wasalna fejn waslna bis-sehem ta’ kulħadd. U allura ppermettuli li nirringrazzja lil kullħadd, lilkom li qed issegwuna, tas-sehem tagħkom biex pajjiżna jkompli miexi ’l quddiem. |
| Nixtiqilkom lilkom u | lill-familja tagħkom, Milied hieni u sena t-tajba. |
Other Press Releases:
PR261991
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL ...
PR261990