Messagg tal-Milied u s-Sena l-Gdida mill-President ta’ Malta l-E.T. Dott George Abela
pr2230
24/12/2009
| Ħuti Maltin u | Għawdxin, hu tassew ta’ pjaċir għalija li għall-ewwel darba mindu ġejt elett fil-kariga ta’ President ta’ Malta, nieħu din l-okkażjoni sabiex inwasslilkom dan il-messaġġ tradizzjonali ta’ żmien il-Milied u l-Ewwel tas-Sena. |
| Għalina l-Maltin, | żmien il-Milied huwa xhieda tat-tradizzjoni li sa minn sekli ilu hija l-bażi tal-kultura tagħna – Kristjana u Ewropea. Il-Milied huwa fuq kollox festa reliġjuża li tikkommmemora l-inkarnazzjoni ta’ Kristu, dik il-ġrajja unika u storika li tat bidu għal era ġdida fl-istorja tal-bniedem u li hija l-oriġini tal-valuri tradizzjonali li ispiraw il-kultura tagħna l-Maltin. |
| Dan huwa wkoll | iż-żmien fejn is-sena l-qadima tħalli postha għall-ġdida u fejn wieħed iħares lura lejn is-sena li ntemmet u jħares ‘il quddiem b’tamiet ġodda. |
| Is-sena li għaddiet | u ż-żminijiet riċenti ma kinux faċli fix-xena internazzjonali. Id-dinja għaddiet, u għadha għaddejja, minn kriżi finanzjarja u ekonomika li kkawżat tnaqqis fl-attività ekonomika, telf ta’ impiegi u diffikultajiet finanzjarji mhux żgħar. Xi pajjiżi sabu ruħhom għall-għarrieda fi kriżi finanzjarja u ekonomika li ma kinux qed jistennew li taħkem b’effetti daqshekk serji. Pajjiżna ħassha wkoll din il-kriżi imma l-għaqal tal-Maltin deher ċar u l-effetti ta’ dak li ġara barra xtutna nħass b’mod kontenut. Veru li ntilfu numru ta’ impiegi, u wieħed iħoss simpatija ma’ dawk li ntlaqtu direttament, imma aħna rnexxilna nilqgħu kemm stajna għall-effetti globali tal-gwaj li ġie fuqna minn barra. Għas-sena li ġejja, nittamaw li nibdew noħorġu mill-effetti tar-riċessjoni mondjali bl-inqas uġiegħ possibbli sabiex pajjiżna jkompli miexi fit-triq tal-progress. |
| Aħna lkoll nistgħu | ngħinu sabiex pajjiżna jegħleb id-diffikultajiet u jimxi ‘l quddiem - kull wieħed minna skond il-funzjoni tiegħu fil-ħajja. |
| Huwa dmir ta’ | kulħadd li jaqdi d-doveri tiegħu sewwa u jagħti ġurnata tax-xogħol kif jistħoqq. Huwa dmir tagħna lkoll li nibżgħu għal pajjiżna billi nżommuh fl-aħjar stat possibbli kemm għalina stess u kemm għall-barranin li jżuruna. Wieħed mill-pilastri tal-ekonomija tagħna huwa t-turiżmu u jkun ta’ ġid għalina li ma nipperikolawx din l-industrija billi nkunu traskurati f’dak li jolqot l-ambjent. |
| Fis-sena li ġejja, | l-Unjoni Ewropea sejra tgħaddi minn ċertu tibdil bħala riżultat tat-Trattat ta’ Lisbona li ġie fis-seħħ fl-ewwel ta’ Diċembru. Hu maħsub u ttamat li l-Unjoni tersaq aktar lejn il-Popli tagħha u li dawn iħossu ruħhom aktar integrati fiha: Popli Ewropej magħqudin flimkien fid-diversità. |
| Is-sena li ġejja, | f’April, se jkollna x-xorti li nilqgħu fostna lill-Qdusija Tiegħu l-Papa Benedettu XVI li se jiġi għall-ewwel żjara tiegħu f’Malta. Kif tafu, fl-ewwel żjara tiegħi barra minn Malta wara l-ħatra bħala President, jiena mort il-Vatikan u ltqajt mal-Qdusija Tiegħu l-Papa li wrieni x-xewqa li jiġi Malta u jiena aċċettajt bil-ferħa. Jiena ċert li din iż-żjara tgħin sabiex aħna l-Maltin nerġgħu nġeddu l-valuri sbieħ li matul l-istorja tagħna tawna s-saħħa biex nibnu soċjetà li ma tħalli lil ħadd barra u li rnexxielha tiżviluppa u timxi ‘l quddiem minkejja ċ-ċokon u n-nuqqas ta’ riżorsi materjali tagħna. |
| F’pajjiżna kulħadd | għandu postu skond l-abbiltajiet tiegħu. Kulħadd għandu d-dritt li jimxi ‘l quddiem ħalli jtejjeb il-pożizzjoni tiegħu għalih u għall-familja tiegħu. Ħadd m’għandu jkun eskluż, la fuq bażi ta’ diżabilità fiżika jew mentali, la fuq bażi ta' kulur tal-ġilda, la fuq bażi ta’ sess, la fuq bażi ta’ opinjonijiet politiċi jew soċjali, la minħabba l-kundizzjoni familjari tiegħu u lanqas minħabba xi twemmin reliġjuż. Iż-żgħażagħ għandhom opportunitajiet ta’ studju u taħriġ daqs qatt qabel, kemm Malta u kemm barra minn xtutna, u wieħed jixtieq li ż-żgħażagħ kollha tagħna jitbiegħdu minn dak kollu li mhux ta’ ġid għalihom u jistinkaw u jimxu ‘l quddiem għax huma l-futur u t-tama ta’ pajjiżna. |
| Aħna l-Maltin dejjem | kellna valuri sodi fejn tidħol il-familja u din hija ħaġa li ta’ min jgħożżha sew. Dan huwa valur imsejjes fuq it-tradizzjonijiet tagħna, valur li jħares lejn il-familja bħala soċjetà fejn issaltan l-għaqda, l-għajnuna reċiproka, u r-rispett bejn il-familjari, l-ulied u l-ġenituri. Il-Maltin għad għandhom ukoll rispett lejn il-ħajja sa mill-bidu l-aktar bikri tagħha u t-tmiem naturali tagħha. |
| Fost il-valuri sbieħ | li l-Maltin huma magħrufin għalihom, insemmi s-solidarjetà u l-fraternità ta’ bejnietna, il-kompassjoni, il-karità u l-ġenerożità. Is-servizzi soċjali weħidhom mhux bil-fors li jolqtu l-ħtiġijiet kollha ta’ min hu fil-bżonn u għalhekk il-Community Chest Fund jgħin sabiex tittaffa t-tbatija ta’ ħutna li jkunu f’xi diffikultà. M’hemm l’ebda sodisfazzjon fil-ħajja akbar minn dak li tħenn għal min ikun fil-bżonn u turi li, bħas-Samaritan it-Tajjeb, inti ma tibqax għaddej imma tieqaf ħalli tgħin b’imħabba lill-proxxmu tiegħek. Għalhekk, nitlobkom li, waqt li tkunu qed tgawdu l-festi sbieħ ta’ dawn il-ġranet, tkunu ġenerużi ma’ ħutna li jenħtieġu l-għajnuna tagħna. |
| Nagħlaq dan | il-messaġġ billi nawgura lilkom ilkoll, Maltin u Għawdxin, Milied ħieni magħqudin flimkien u sena ġdida mimlija ferħ, saħħa, risq u paċi. |
Grazzi ħafna.
Other Press Releases:
PR261991
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL ...
PR261990