Il-Messagg mill-President ta’ Malta, l-E.T. Dott. George Abela, ghall-Milied u l-Ewwel tas-Sena lill-Maltin u l-Ghawdxin li jghixu barra minn Malta
pr2211
20/12/2009
| Ħuti | Maltin u Għawdxin li tgħixu barra minn Malta, huwa ta’ pjaċir kbir għalija li għall-ewwel darba mindu ġejt elett President ta’ Malta qiegħed nibgħatilkom dan il-messaġġ ta’ awguri u xewqat sbieħ għall-Milied u s-sena l-ġdida. Il-Kap ta’ Stat ta’ pajjiż huwa dejjem Kap ta’ Stat tal-Poplu kollu ta’ dak il-pajjiż. Fil-każ tiegħi, dan ġie konfermat aktar u aktar minħabba l-fatt li l-Parlament Malti kien unanimu meta għoġbu jagħżel lili sabiex inservi l-pajjiż fl-ogħla kariga possibbli. |
| Kien | unur kbir għalija li naċċetta li nagħti s-servizz tiegħi lill-Maltin kollha bħala President. U meta ngħid “Maltin kollha”, mhux qed nifhem biss dawk li jgħixu Malta jew dawk li jgħixu barra minn Malta għax għandhom impieg hemmhekk, imma qed nifhem ukoll dawk il-Maltin li emigraw u stabbilixxew id-domiċilju tagħhom f’pajjiż barra minn Malta u kif ukoll id-dixxendenti tagħhom li għadhom iħossu ruħhom Maltin. F’kelma waħda, jien qed infisser ix-xewqat tiegħi lil dawk kollha li jappartjenu għan-nazzjon Maltija. X’uħud mill-emigranti u dixxendenti tagħhom illum għandhom il-vantaġġ ta’ ċittadinanza doppja li permezz tagħha, barra ċ-ċittadinanza tal-pajjiż fejn emigraw u ddomiċiljaw ruħhom, għandhom ukoll id-dritt taċ-ċittadinanza Maltija. Din ħaġa sabiħa ħafna, fil-fehma tiegħi, imma wieħed jista’ jħoss ruħu Malti mhux biss permezz taċ-ċittadinanza Maltija imma wkoll għax ikun baqa’ jgħożż u jħaddan il-valuri, it-tradizzjonijiet, il-kultura, l-istorja, il-memorji, l-ilsien, it-twemmin u l-użanzi li jorbtuh mal-pajjiż tal-oriġini. |
| Hija | ħaġa ta’ min ifaħħarha illi, għalkemm wieħed ikun emigra jew ikun iben jew bint ta’ emigrant, jibqa’ jħoss ruħu Malti jew jgħożż id-dixxendenza tiegħu Maltija. Hija ħaġa essenzjali li l-emigranti jintegraw ruħhom sewwa fis-soċjetà li jkunu għażlu biex jemigraw lejha, fejn jibnu ħajja diċenti u jkollhom xogħol jew mezz ta’ għixien xieraq, iżda hija ħaġa daqstant sabiħa li jkomplu jgħożżu l-pajjiż minn fejn ikunu oriġinaw bħal ma jagħmlu emigranti minn pajjiżi oħra bħall-Italja, l-Irlanda, il-Greċja u pajjiżi oħra li fl-imgħoddi kienu jitilqu minnhom bosta nies sabiex ifittxu futur aħjar fl-artijiet tal-emigrazzjoni. |
| Għalija, il-Maltin emigranti u d-dixxendenti | tagħhom huma ambaxxaturi denji tal-pajjiż tal-oriġini tagħhom, Malta u Għawdex, u jagħmlu unur lil artna. Dawn huma Maltin daqs il-Maltin li jgħixu Malta u jibqgħu ħutna bħall-oħrajn. Huma ħafna l-emigranti li għamlu suċċess kemm fil-professjoni tagħhom u kemm fin-negozju. Naf b’certi intraprendituri li, minn xejn, irnexxilhom jibnu negozji mhux żgħar fil-pajjiż fejn emigraw. Tkun ħaġa ta’ min ifaħħarha kieku xi intraprendituri bħal dawn kellhom iħarsu lejn il-possibilità li jinvestu f’Malta u Għawdex ukoll. |
| Illum, hemm ħafna Maltin li ma emigrawx imma | għadhom domiċiljati Malta, fejn għad għandhom darhom, imma li marru jsibu opportunitajiet ta’ xogħol barra minn xtutna. Illum, il-Maltin għandhom aktar libertà ta’ moviment, speċjalment ġewwa l-konfini tal-Unjoni Ewropea, u hija ħaġa tajba kemm għalihom u kemm għal pajjiżhom li jfitxxu esperjenzi ġodda ta’ karrieri, edukazzjoni u taħriġ f’pajjiżi oħra. Illum m’għadux iż-żmien li l-Maltin u l-Għawdxin jħarsu biss ’il ġewwa imma huwa żmien fejn id-dinja ċkienet u, fl-istess ħin, Malta saret parti integrali mill-Ewropa bħallikieku l-Ewropa kollha hija pajjiżna mingħajr ma ninsew li aħna Maltin. |
| Huwa | f’dawn iż-żminijiet tal-Milied u l-festi tal-ewwel tas-sena li wieħed iħoss nostalġija akbar għal pajjiżu, l-art fejn igħixu dawk li jiġu minnu, fejn ikun ħalla l-memorji l-aktar għeżież tat-tfulija u tal-ħajja. Huwa żmien fejn ħafna jċemplu lil qrabathom u jibagħtu kartolini lill-familjari tagħhom f’Malta. Jien ukoll għandi qraba li jgħixu l-Awstralja u l-Kanada, anzi, jien stess, meta kont għadni tifel, kont emigrajt l-Awstralja għal ftit taż-żmien mal-familja tiegħi. |
| Tajjeb li l-Maltin li jgħixu barra jibqgħu | jirrispettaw il-valuri tal-familja li tradizzjonalment kienu s-sinsla tas-soċjetà Maltija. Huwa veru li llum il-familja f’Malta u barra minn Malta qed ikollha taffronta sfidi ġodda imma dan għandu jġagħlna aktar u aktar napprezzaw kemm hija importanti l-familja bħala ċ-ċellola li fuqha hija bbażata s-soċjetà. U mal-valur tal-familja jmur il-valur tal-ħajja li fit-tradizzjoni Kristjana tagħna hija sagra sa mill-bidu l-aktar bikri tagħha. |
| L-Ewropa għandha tradizzjoni millenarja li hija | fondamentalment Kristjana u din ukoll jeħtieġ li tiġi valorizzata mill-ġdid. Għalkemm għandu jkun hemm separazzjoni netta bejn Stat u Knisja, dan ma jfissirx li għandna ninsew l-għeruq Kristjani tagħna minħabba idea żbaljata ta’ sekulariżmu. Il-bniedem magħmul mill-materja u mill-ispirtu u l-Istat ma jistax jinjora dan il-fatt. Għalhekk, fil-waqt li għandhom jiġu mħarsa bil-qawwa kollha d-drittijiet umani li jinkludu l-libertà tal-kult u tal-espressjoni, dan ma jfissirx li l-Ewropa għandha titlef il-kultura tradizzjonali tagħha, li mingħajrha l-Ewropa mhix dik l-Ewropa li nafu, f’isem korrettezza politika żbaljata. Wara kollox, il-bniedem u r-rispett lejn l-uman huma prinċipji li jinsabu fiċ-ċentru tal-Kristjaneżmu u għalhekk huwa diffiċli tifhem kif din il-fidi, li fuqha nbniet il-kultura Ewropea, jew is-simboli tagħha jistgħu b’xi mod imorru kontra d-drittijiet umani. |
| Ħuti | Maltin u Għawdxin, tajjeb li nibqgħu ngħożżu l-valuri u t-tradizzjonijiet sbieħ li writna mingħand missirijietna Maltin inkunu fejn inkunu. Fl-ewwel żjara tiegħi barra minn Malta, jiena kelli l-unur li mmur il-Vatikan u niltaqa’ mal-Q.T. l-Papa Benedettu XVI u tkellimna fuq il-valuri tagħna l-Maltin. Il-Papa għandu opinjoni tajba ta’ pajjiżna u wrieni x-xewqa li jiġi Malta. Ma setax jonqos li jiena naċċetta bil-ferħa u nistennew bil-ħerqa ż-żjara tal-Papa f’Malta, jekk Alla jrid, f’April li ġej. |
| Għeżież Maltin u Għawdxin li tgħixu barra minn | Malta, nixtieq nawguralkom Milied mimli hena, risq u serenità u sena ġdida kollha paċi, ġid u prosperità. |
Insellmilkom.
Other Press Releases:
PR261991
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL ...
PR261990