Left arrow Go Back

KONFERENZA NAZZJONALI DWAR IL-POLITIKA TA’ KOEŻJONI TAL-UNJONI EWROPEA 2007-2013 F’GHAWDEX

pr2113
Date Icon 05/12/2009
Id-Diviżjoni għall-Ippjanar u Koordinazzjonital-Prijoritajiet fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru organizzat konferenza nazzjonali dwar il-Politika ta’ Koeżjoni tal-Unjoni Ewropea 2007-2013. Wara li ġiet mtella’ f’Malta din il-konferenza ġiet organizzata wkoll f’Għawdex u għaliha attendew diversi parteċipanti mis-setturi soċjo-ekonomiċi kollha f’Għawdex. Il-konferenza ittrattat il-benefiċċji li ser ikun tkun qed tgawdi minnhom il-gżira ta’ Għawdex bis-saħħa ta’ proġetti ko-finanzjati minn fondi Ewropej taħt l-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR) u l-Fond Soċjali Ewropew (FSE), li huma l-istrumenti finanzjarji ewlenin tal-Politika ta’ Koeżjoni ta’ l-UE 2007-2013. Il-Politika' ta’ Koeżjoni ta’ l-Unjoni Ewropea 2007-2013 għandha l-għan li tippromovi l-iżvilupp armonjuż u sostenibbli ma’ l-Unjoni Ewropea kollha u li tnaqqas id-differenzi soċjo-ekonomici bejn il-varji reġjuni. Għall-perjodu 2007-2013, l-UE qed tinvesti madwar 35% tal-baġit totali tagħha fil-Politika ta’ Koeżjoni. Għal dan il-perijodu ġew allokati €855 miljun f’fondi ta’ l-Unjoni Ewropea għal Malta. Matul il-konferenza ġiet spjegata l-istrateġija għal żewġ Programmi Operattivi li f’kull wieħed minnhom hemm imfassal il-qafas kif ser jintefqu l-Fondi Strutturali u l-Fond ta’ Koeżjoni fis-seba’ snin li ġejjin. Iż-żewġ Programmi Operattivi ta’ Malta jfittxu li jiinvestu fil-Kompettivita’ għal Kwalita’ ta’ Ħajja Aħjar kif ukoll biex jiġu msaħħa l-ħiliet għal Aktar Impjiegi. Ġew trattati oqsma differenti ta’ prijorita’ bħal ma’ hi l-edukazzjoni, ix-xogħol, l-intraprenditorija, il-kultura, it-turiżmu, l-ambjent u l-iżvilupp f’Għawdex. Waqt l-introduzzjoni, l-Onor. Giovanna Debono, Ministru għal Għawdex, spjegat kif il-Gvern alloka 10 fil-mija tal-fondi ta’ l-Unjoni Ewropea għal Malta biex jintefqu fi proġetti f’Għawdex. Dan ser jgħin biex Għawdex jibqa’ miexi fit-triq li twassal għal żvilupp sostenibbli fil-kuntest ta’ dik li hi l-viżjoni tal-Gvern biex Għawdex isir gżira ekoloġika. Hija spjegat kif proġetti mwettqa b’ko-finanzjament minn fondi Ewropej fil-perjodu ta’ finanzjament 2004-2007 ser jiswew bħala bażi għall-dawk li ser jitwettqu fis-seba’ snin li ġejjin u kif dawn ser ikomplu jindirizzaw il-prijoritajiet identifikati fiż-żewġ programmi operattivi. Il-Ministru Giovanna Debono faħħret l-inizjattiva tad-Diviżjoni għall-Ippjanar u Koordinazzjoni tal-Prijoritajiet fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru fl-organizzazzjoni ta’ din il-konferenza nazzjonali b’referenza partikolari għal Għawdex. Hija spjegat ukoll kif minbarra proġetti ewlenin bħal m`huma t-toroq tax-Xlendi, Ta’ Pinu u triq l-Imġarr kif ukoll dawk relatati ma’ ristrutturar fiż-Żewwieqa, Villa Rundle, it-tieni sala ta’ l-operazzjonijiet u twaqqif ta’ taqsima tar-Radjoloġija fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex hemm proġetti u skemi oħra li minnhom qed jibbenefikaw individwi u intrapriżi Għawdxin. Fost dawn semmiet skemi ta’ l-ETC u l-Malta Enterprise li jgħinu fil-qasam tax-xogħol kif ukoll inizjattivi u skemi oħra fl-oqsma ta’ l-edukazzjoni u t-turiżmu. Il-Ministru Giovanna Debono esprimiet s-sodisfazzjon tagħha dwar il-fatt li wara l-ewwel perjodu ta’ programmazzjoni, Għawdex irnexxielu jibbenifika mill-fondi li kienu allokati fejn il-proġetti kollha ġew mitmuma fiż-żmien stipulat mingħajr ma ntilef xejn mill-finanzjament mwiegħed. ‘Dan jawgura li fit-tieni esperjenza tagħna jerġa’ jirnexxielna niksbu s-suċċess li ġie rreġistrat fil-ħames snin li għaddew’ temmet tgħid il-Ministru Debono. Is-Segretarju Parlamentari għall-Konsultazzjoni Pubblika u Informazioni, l-Onor Chris Said, għalaq il-konferenza bl-indirizz tiegħu. Hu qal li huwa fl-interess tal-Unjoni Ewropea li l-pajjiżi membri tagħha jilħqu standards għoljin f’kull qasam sabiex joffru liċ-ċittadini tagħhom kwalità ta’ ħajja għolja, u dan biex kulħadd jimxi ’l quddiem. Chris Said stqarr li l-maġġoranza tal-95 proġett approvati taħt iz-zewg Programmi Operattivi qegħdin jiġu implimentati. Hemm ukoll numru ta’ skemi taħt iz-żewg Programmi li minnhom huma bosta Ghawdxin li qed igawdu. Is-Segretarju Parlamentari għamel referenza għall-impriżi żgħar u medji Għawdxin, li huma s-sinsla tal-ekonomija Għawdxija - b’il fuq minn 3,500 SME li bejniethom iħaddmu kwazi 5,000 persuna. Sostna li filwaqt li l-Gvern qed jgħinhom sabiex iħarsu ’l quddiem u jkun pro-attivi, bdejna narawhom igawdu minn fondi Ewropej.
”Bħala Gvern qed inwettqu l-wegħda tagħna linibqgħu qrib l-impriżi żgħar u medji tagħna, il-kumpaniji tagħna, l-NGOs u l-Kunsilli Lokali tagħna. Investejna fil-MEUSAC li qed tgħin, bla ebda ħlas, lil kull min javviċinaha u li permezz tagħha qed nakkwistaw fondi li qed jgħinuna nkomplu nagħmlu d-differenza. Bi pjaċir ngħid li issa għandna wkoll l-uffiċċju konġunt tal-MEUSAC u l-MCESD f’Għawdex, li l-għan tiegħu hu li jaħdem ekslussivament, bla ħlas, għall-interessi Għawdxin”, qal ukoll Chris Said.
Is-Segretarju Parlamentari għamel referenzagħall-Kunsilli Lokali Għawdxin, li qed ikunu ta’ eżempju għal ħafna Kunsilli Lokali. Dawn qed jakkwistaw fondi li qed jippermettulhom jidħlu għal proġetti li qabel ma kienx possibbli li jitwettqu. Semma bħala ezempju ‘l-Kunsill Lokali tal-Għarb li qed jittrasforma Wied il-Mielaħ f’żona ta’ rikreazzjoni u mistrieħ għall-Għawdxin kollha permezz ta’ fondi Ewropej.
Chris Said ghalaq billi semma wkollorganizzazzjonijiet oħrajn li qed jagħmlu suċċess minn dawn il-fondi, fosthom Ir-restawr tal-arti fis-Santwarju Ta’ Pinu u tad-dar ta’ Karmni Grima biex jigi attirat turiżmu reliġjuż; il-ħolqien tal-ewwel Mużew Ekoloġiku f’Ghawdex fi proġett li applikat għalih il-Fondazzjoni Belt Victoria, kif ukoll ir-restawr tal-knisja parrokkjali ta’ San Lawrenz biex biex tikkontribwixxi f’dak li hu turiżmu kulturali u reliġjuż.
Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL  Tittella’ r-raba’ edizzjoni ta’ Porkilicious: inizjattiva li tgħaqqad il-gastronomija u s-sostenibbiltà tal-ikel mal-appoġġ għall-Malta Community Chest Fund

PR261991

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT  “L-intelliġenza artifiċjali għandha tkun għodda mħaddma tajjeb, filwaqt li qatt ma tista’ tieħu r-rwol fundamentali tal-edukaturi” – Il-Ministru Byron Camilleri fi Brussell

PR261990

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT “L-intelliġenza arti...

More Press Releases Right arrow