IL-JUM IDDEDIKAT GĦAL PERSUNI B’DIŻABILITÀ ĊĊELEBRAT F’GĦAWDEX
Il-Federazzjoni Għawdxija Persuni b’Diżabilità dalgħodu organizzat konferenza bit-titlu ‘Opportunitajiet ta’ Xogħol għal Persuni b’Diżabilità’ fiċ-Ċentru għal Matul il-Jum Santa Marta fir-Rabat Għawdex, li ilu joffri servizzi lill-persuni adulti b’diżabilità f’Għawdex għal dawn l-aħħar xhur. Din il-konferenza saret bħala parti mill-attivitajiet li qed jiġu organizzati fil-ġimgħa tal-persuni b’diżabilità.
Il-konferenza nfetħet b’diskors tal-okkażjoni mill-Ministru għal Għawdex l-Onor. Giovanna Debono, li fid-diskors tagħha sostniet li f’pajjiżna sar ħafna progress fil-qasam tad-diżabilità pero’ għad fadal xi jsir, speċjalment fir-rigward tal-inklużjoni ta’ persuni b’diżabilità fil-qasam tax-xogħol. Hija semmiet inizjattivi li jittieħdu mill-Ministeru għal Għawdex b’risq dan il-qasam matul dawn l-aħħar snin. L-inawgurazzjoni taċ-Ċentru Santa Marta, li sar ftit tax-xhur ilu kienet l-aħħar ħolqa f’katina ta’ inizjattivi li komplew itejbu u jsaħħu s-servizzi lill-persuni b’diżabilità u lill-familji tagħhom f’Għawdex. Barraminhekk hija faħħret lil Federazzjoni li taħdem bla heda għal dawn il-persuni bi bżonnijiet speċjali.
Fost dawk li tkellmu matul dan is-seminar kien hemm is-Sinjura Mary Rose Attard, Koordinatriċi għal Persuni b’Diżabilità f’Għawdex, is-Sur Jonathan Debono, l-Assistent Koordinatur għal Persuni b’Diżabilità f’Għawdex li għamel preżentazzjoni dwar ix-xogħol u l-persuni b’diżabilità fil-gżira, kif ukoll is-Sur Joe Camilleri, chairperson tal-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b’Diżabilità (KNPD), li għamel id-diskors tal-għeluq.
Minbarra l-impjiegi u l-persuni b’diżabilità, matul il-konferenza ġiet diskussa wkoll l-edukazzjoni wara sittax-il sena. Dawk li taw il-kontribut tagħhom f’dawn id-diskussjonijiet kienu jinkludu fost l-oħrajn lil Dr. Kevin Cutajar, President tal-Federazzjoni Għawdxija Persuni b’Diżabilità. Fid-diskussjoni taw sehemhom ukoll għadd ta’ stakeholders Għawdxin kif ukoll ġenituri ta’ tfal b’diżabilità, guidance teachers u counsellors fl-iskejjel.
Aktar kmieni din il-ġimgħa, fiċ-Ċentru għal Matul il-Jum Santa Marta, ġiet inawgurata multisensory room li għandha apparat li jistimula s-sensi f’atmosfera rilassanti. Dan jgħin biex titjib il-koordinazzjoni bejn l-għajnejn u l-idejn permezz ta’ eżerċizzji motorji varji. Din il-kamra ser iżżid il-faċilitajiet ma’ dawk eżistenti. Ġiet inawgurata wkoll pittura ta’ Santa Marta maħduma minn wieħed mill-ħaddiema fl-istess ċentru.
Other Press Releases:
PR261991
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL ...
PR261990