Left arrow Go Back

DISKORS TAL-ONOR. CHRIS SAID, SEGRETARJU PARLAMENTARI GĦALL-KONSULTAZZJONI PUBBLIKA U INFORMAZZJONI, WAQT IL-KONFERENZA NAZZJONALI DWAR IL-POLITIKA TA’ KOEŻJONI – SAN ĠILJAN – IT-TLIETA, 1 TA’ DIĊEMBRU 2009

pr2069
Date Icon 01/12/2009

Il-Politika ta’ Koeżjoni tal-Unjoni Ewropea għandha l-għan li tippromwovi l-iżvilupp armonjuż u sostenibbli fil-pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea u li tnaqqas id-differenzi soċjo-ekonomiċi bejn ir-reġjuni.

Huwa fl-interess tal-Unjoni Ewropea li l-pajjiżi membri tagħha jilħqu standards għoljin f’kull qasam sabiex joffri liċ-ċittadini tagħhom kwalita’ ta’ ħajja għolja. Dan hu prinċipju fundamentali tal-Unjoni Ewropea – li ħadd ma jibqa’ lura.

Għall-perjodu 2007-2013, l-UE qed tinvesti madwar 35% tal-budget totali tagħha fil-Politika ta’ Koeżjoni.

Il-Fondi Strutturali u l-Fond ta’ Koeżjoni huma l-istrumenti finanzjarji ewlenin tal-Politika ta’ Koeżjoni tal-UE 2007-2013. Il-Fondi Strutturali jinkludu l-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR) u l-Fond Soċjali Ewropew (FSE). 

Total ta’ €855 miljun f’kemm jiswew fondi tal-UE ġew allokati għall-Politika ta’ Koeżjoni 2007-2013 f’Malta.  

L-istrateġija mfassla minn pajjiżna għall-aħjar użu ta’ dawn il-fondi tibbaża fuq żewġ programmi operattivi b’kull wieħed ifassal il-qafas li fih il-Fondi Strutturali u l-Fond ta’ Koeżjoni ser jintefqu fis-seba’ snin li ġejjin.

Iż-żewġ Programmi Operattivi ta’ Malta huma:

  • Il-Programm Operattiv I - Ninvestu fil-Kompettività għal Kwalità ta’ Ħajja Aħjar. Dan il-Programm jiffoka fuq il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u l-Fond ta’ Koeżjoni.
  • Il-Programm Operattiv II - Insaħħu Ħilitna għal Aktar Impjiegi u Kwalità ta’ Ħajja Aħjar. Dan il-Programm jiffoka fuq il-Fond Soċjali Ewropew.

Il-Programm Operattiv I għanu budget ta’ aktar minn 850 miljun euro u għandu l-għan li jiżviluppa u jiġġenera tkabbir ekonomiku bbażat fuq l-attivitajiet ekonomiċi li jinkoraġixxu l-kompetittività, u jsaħħu l-infrastruttura ta’ Malta, għal kwalità ta’ ħajja aħjar għaċ-ċittadini Maltin.  Ir-rata ta’ ko-finanzjament tal-UE għal OPI hija ta’ 85%.

L-objettiv tal-Programm Operattiv II hu li jinvesti fil-kapital uman sabiex tiżdied ir-rata globali tal-impjiegi. Dan il-programm jipprovdi l-opportunità għal Malta sabiex tinvesti fil-kapital uman, mhux biss billi ttejjeb il-livell ta’ ħiliet tal-forza tax-xogħol kurrenti u dik futura, imma wkoll billi ssaħħaħ is-suq tax-xogħol.

Dan il-Program Operattiv għandu l-għan li jsaħħaħ l-iżvilupp soċjali u ekonomiku billi jtejjeb l-opportunitajiet ta’ xogħol u impjieg, jinkoraġġixxi livell għoli ta’ impjieg u aktar xogħlijiet u xogħlijiet aħjar. Dan il-programm jappoġġa inizjattivi li għandhom l-għan li jinvestu fl-edukazzjoni u fix-xogħol, fl-impjieg u fil-kwalità u fil-produttività tax-xogħol, u jippromwovi l-inklużjoni soċjali u jinkoraġġixxi lill-persuni b’diżabilità sabiex jidħlu fil-forza tax-xogħol.

In-nefqa totali tal-Programm Operattiv II hi ta’ aktar minn 130 miljun euro. 

Bħalissa hemm 95 proġett approvat – 54 taħt il-Programm Operattiv I u 41 taħt il-Programm Operattiv II. Il-maġġoranza tal-progetti qegħdin jiġu implimentati. Hemm ukoll numru ta’ skemi taħt iz-żewg programmi.  

Il-proġetti huma mmirati li jsaħħu l-iżvilupp soċjali u ekonomiku, u dan billi jkabbru l-opportunitajiet fil-qasam tal-impjiegi u li joħolqu qabża fil-kwalità u produttività fuq il-postijiet tax-xogħol.  

Qed jigu offruti diversi Programmi u skemi biex jgħinu lil studenti u lin-nies li diġà qegħdin f’impjieg biex itejbu l-ħiliet tagħhom. Numru ta’ proġetti huma mmirati wkoll biex jgħinu persuni żvantaġġati – bħal nies li qatt ma ħadmu u nies b’diżabilità biex jintegraw rwiehom fid-dinja tax-xogħol. L-għajnuna li tingħata hija mmirata li ssaħħaħ l-aktar riżors importanti tal-pajjiż - ir-riżors uman.  

Hemm ukoll numru ta’ proġetti ta’ natura infrastrutturali li qed jgħinu lis-settur edukattiv. Fost dawn insibu l-bini tal-Fakultà tal-ICT fl-Università; titjib f’bosta faċilitajiet u laboratorji; u xiri ta’ tagħmir u apparat sofistikat li ser jgħin lill-istudenti u l-professuri fir-riċerka tagħhom. Qed isir ukoll titjib fl-istrutturi tal-MCAST u l-Junior College biex b’hekk anke studenti li qed isegwu korsijiet f’dawn l-istituti jgawdu minn ambjent modern. 

Numru ta’ proġetti huma mmirati wkoll biex jgħinu lil dawk li m’għandhomx edukazzjoni formali u lin-nisa li jixtiequ jipparteċipaw fid-dinja tax-xogħol. Hawnhekk tajjeb li wieħed isemmi li hemm skema li tgħin kumpaniji u individwi privati li jixtiequ jiftħu jew itejbu faċilitajiet ta’ childcare. B’hekk tiġi faċilitata l-integrazzjoni tan-nisa fuq il-post tax-xogħol u tgħin il-familji jilħqu il-bilanċ mixtieq bejn x-xogħol u d-doveri tal-familja. 

L-industrija hija pilastru importanti fl-ekonomija tal-pajjiż. Permezz tal-Fondi Strutturali qed jiġi finanzjat il-bini ta’ Life Sciences Centre. Dan jorbot tajjeb ma l-inizjattivi oħra li għadni kif semmejt u b’hekk joffri l-faċilità lis-settur tar-riċerka li ser ikun jista’ jagħti sostenn lil diversi industriji, speċjalment dawk fil-qasam farmaċewtiku u bioteknoloġiku. Dan jgħin biex isaħħaħ il-pożizzjoni ekonomika tal-pajjiż u jigi attirat aktar investiment barrani f’dawn l-oqsma. Diversi żoni industrijali kemm f’Malta kif ukoll f’Għawdex qed jiġu megħjuna jtejbu l-faċilitajiet tagħhom. 

Għalkemm jidher li l-maġġoranza tal-għajnuna qed tingħata lis-settur pubbliku, huwa importanti li wieħed isemmi li hemm numru ta’ skemi mmirati biex jgħinu lill-intrapriżi privati. Permezz ta’ 7 skemi, immexxija mill-Malta Enterprise, qed jiġu offruti €37 miljun lil dan is-settur (dan l’ammont jinkludi ż-żieda ta’ €10 miljun li giet mħabbra fl-aħħar budget). L-għajnuna hija mmirata biex tgħin kemm lil dawn l-intrapriżi li jixtiequ jwaqqfu l-kumpanija tagħhom, kif ukoll lil dawk li jixtiequ jimirħu ’l barra minn xtutna billi joffru l-prodott tagħhom f’pajjiżi Ewropej u anke dawk fin-nord tal-Afrika u n-nord tal-Amerika. Skemi oħra huma mmirati biex jgħinu lill-intrapriżi jiżviluppaw il-prodott tagħhom kif ukoll biex jinvestu f’sistemi ta’ enerġija li tiġġedded.  

Tajjeb li wieħed isemmi li sa issa qed jibbenefikaw 298 intraprizi, li il-maġġoranza tagħhom (113) huma ta’ natura  zgħira u oħrajn (89) mikro. 13 minn dawn l-intrapriżi huma bbażati f’Għawdex. 

Biex inkomplu nsaħħu lil dan is-settur f’dan iż-żmien ta’ bżonn, ser jitwaqqaf fond ta’ €10 miljun permezz tal-inizjattiva JEREMIE. Dan ser jgħin lill-intrapriżi ta’ daqs żgħir u medju u dawk li jaħdmu għal rashom jibbenefikaw minn self ta’ mhux aktar minn €25,000, biex ikollhom il-likwidità neċesarja biex ikattru l-investiment tagħhom. Dan is-self ser jingħata fuq kondizzjonijiet vantaġġuzi u b’rati tajbin.  

Settur ferm importanti għall-pajjiżna huwa dak turistiku. Ġiet imnedija skema ta’ €10 miljun bil-għan li tgħin lil diversi intrapriżi li jofru s-sevizzi tagħhom f’dan is-settur u b’hekk jitjieb u jiġi żviluppat aħjar il-prodott tagħhom. Dan huwa mistenni jikkontribwixxi lejn l-iżvilupp ta’ turiżmu sostenibli. Sa issa diġà hemm 30 intrapriża (5 bbażati f’Għawdex) li qed jibbenefikaw minn dawn il-fondi – nofshom ġejjin mill- qasam tal-akkomodazzjoni. Proġett b’valur ta’ madwar €4 miljun huwa mmirat li jtejjeb il-livell ta’ ħila li jwassal għal ċertifikazzjoni ta’ sidien, managers u supervisors li jaħdmu f’dan is-settur. Dan il-proġett, li qed jitwettaq mill-Awtorità Maltija tat-Turiżmu, ser jgħin ukoll lil dawk li qegħdin ifittxu impjieg u dawk li jinsabu mingħajr xogħol biex jaħdmu fis-settur turistiku.  

Fl-istess waqt qed jiwettqu aktar inizjattivi fis-settur turistiku u kulturali. Fost dawn il-proġetti nsibu żviluppi ta’ żoni ta’ rikreazzjoni fix-xtajtiet fil-Qawra, tas-Sliema, Pembroke, San Pawl il-Baħar u ż-Żewwieqa f’Għawdex. Kif ukoll interventi f’diversi siti storiċi (tempji, katakombi u swar) fiż-żewġ gżejjer. Numru ta’ NGOs qed jibbenefikaw minn dawn il-fondi biex jiżviluppaw u jtejbu l-prodott tagħhom, b’hekk jinħolqu attrazzjonijiet ġodda u jittejjeb il-prodott turistiku Malti. Meta tikkonsidra l-ammont offrut taħt dan is-settur, l-interventi fis-settur turistiku sa issa jammontaw għal madwar €85 miljun. 

Biex ekonomija tkun b’saħħitha jrid ikollha infrastruttura moderna u ta’ kwalità. Bosta interventi f’dan is-settur qegħdin jiġu ffinanzjati minn dawn il-Fond għall-Iżvilupp Rurali u l-Fondi ta’ Koeżjoni. Fosthom hemm ir-rikostruzzjoni u titjib ta’ numru ta’ toroq arterjali – 4 toroq li jifformaw parti minn netwerk tat-TEN T, kif ukoll il-bypass ta’ Marsaskala, Triq Valletta fiż-Żurrieq u żewġ toroq f’Għawdex – Triq Ta’ Pinu u Triq Xlendi.  

Dawn il-fondi qed jgħinu wkoll biex tissaħħaħ l-infrastruttura marittima. In fatti sa issa ġie approvat proġett bil għan li jimmodernizza il-breakwaters fil-Port il-Kbir u dak ta’ Marsaxlokk. Proġetti oħrajn huma msejsa li jiġġeneraw interess f’żoni urbani, per eżempju il-proġett fiċ-ċentru tal-Kottonera u l-bini mill-ġdid tal-lift tal-Barrakka ta’ fuq.  

Pajjiż nadif jattira aktar turisti u jgħin fil-qabża ta’ kwalità fil-ħajja taċ-ċittadini tiegħu. Hemm diversi proġetti mmirati biex itejbu l-kwalità tal-ambjent. Proġett ta’ madwar €4.8 miljuni li ser jiġi mplimentat mill-MEPA ser jgħin biex jiġi ssorveljat u mħares l-ambjent.  

Insibu wkoll numru ta’ proġetti u skemi fil-qasam tal-Enerġija li tiġġedded. Skema minnhom li digà semmejt timmira li tgħin lill-intrapriżi u oħra li ser tiġi mnedija fil-ġimgħat li ġejjin hija mmirata lejn is-settur domestiku. B’hekk titnaqqas id-domanda għall-enerġija minn sorsi li ma jiġġeddux. Proġetti oħrajn jimmiraw li jnaqqsu l-emissjonijiet u li joħolqu u jtejbu l-faċilitajiet fejn jiġi mormi, magħżul u trattat l-iskart.

Proġett importanti ieħor huwa dak tal-bini tat-tielet u l-akbar impjant tad-drenaġġ fin-nofsinhar ta’ Malta. Dan il-proġett li ser jiswa madwar €70 miljun ser jitratta 82% tad-drenaġġ ta’ Malta qabel ma dan imur il-baħar. B’hekk il-kwalità tal-ilma baħar tal-madwar hija mistennija li titjieb.  

U nista’ nibqa’ nsemmi proġett wara l-ieħor iffinanzjati minn dawn il-fondi. Bħal bini ta’ ġibjuni, mini għall-ilma u rikostruzzjoni u titjib strutturali ta’ diversi kanali u pontijiet biex b’hekk tiġi indirizzata l-problema tal-għargħar f’diversi żoni fiċ-ċentru u fin-nofsinhar ta’ Malta. 

Ma nistax ma nsemmix is-settur tas-saħħa. Se jkompli jsir investiment qawwi fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex, b’xiri ta’ apparat modern u immodernizzar tat-teatru fejn jsiru l-operazzjonijiet. Permezz tal-fondi struturali ser jinxtara ukoll apparat ta’ scanning. B’hekk il-pazjenti Għawdxin ma jkollhomx għalfejn joqgħodu jaqsmu lejn Malta. Proġett ieħor ta’ natura importanti huwa t-twaqqif ta’ Ċentru tal-Onkoloġija fl-isptar Mater Dei. 

Il-maġġoranza tal-proġetti li semmejt jinsabu fil-fażi ta’ tendering. Huwa mistenni li r-ritmu jaqbad sew fix-xhur li ġejjin, meta tibda l-implimentazzjoni tal-maġġoranza tal-proġetti. 

F’nofs l-2007 ingħatajna l-budget għall-perjodu 2007-2013, wara proċess ta’ konsultazzjoni wiesa’ biex saru l-prijoritajiet u tfassal pjan ta’ kif dawn il-finanzi kif se jintefqu. Wara li fl-2008 bdew ħerġin is-sejħiet għall-proġett u beda l-proċess ta’ tendering, wasalna biex issa nibdew naraw l-implimentazzjoni  ta’ dawn il-proġetti. L-2010 se tkun mimlija b’diversi proġetti u inizjattivi u ninsab fiduċjuż li dawn se jgħinu biex jistimulaw l-ekonomija tagħna.  

Huwa żmien eċċitanti għal pajjiżna, fejn – ma’ sħabna fl-Unjoni Ewropea – qed niġu mistiedna nkomplu nagħmlu l-qabża fil-kwalità u biex noffru liċ-ċittadini tagħna mod ta’ għajxien li jagħmel ġieħ. Huwa żmien li fih il-Gvern irid jibqa’ qrib il-poplu u jaċċerta ruħu li kulħadd qed jiġbed ħabel wieħed. 

Nagħlaq billi nifraħ lill-organizzaturi ta’ din l-okkażjoni tal-lum u nittama li fix-xhur li ġejjin inkomplu naħdmu flimkien għall-ġid ta’ Malta u Għawdex tagħna.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL  Tittella’ r-raba’ edizzjoni ta’ Porkilicious: inizjattiva li tgħaqqad il-gastronomija u s-sostenibbiltà tal-ikel mal-appoġġ għall-Malta Community Chest Fund

PR261991

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT  “L-intelliġenza artifiċjali għandha tkun għodda mħaddma tajjeb, filwaqt li qatt ma tista’ tieħu r-rwol fundamentali tal-edukaturi” – Il-Ministru Byron Camilleri fi Brussell

PR261990

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT “L-intelliġenza arti...

More Press Releases Right arrow