Left arrow Go Back

IL-CRUISELINER MS ROTTERDAM L-AKBAR VAPUR LI JAGĦMEL WAQFA F’GĦAWDEX

pr1860
Date Icon 28/10/2009
Il-cruiseliner MS Rotterdam għamel waqfata’ ġurnata f'Għawdex wara li ħalla l-Port il-Kbir kmieni filgħodu. L-MS Rotterdam jagħmel parti mil-linja Holland America Line li l-aġenti tagħhom f’Malta huma rappreżentati mill-kumpanija O.F. Gollcher & Sons Ltd. L-MS Rotterdam qed iġorr 1,256 passiġġier flimkien ma’ 589 membru tal-ekwipaġġ, u b’hekk huwa l-ikbar vapur ta’ dan it-tip li waqaf qrib il-gżira ta’ Għawdex. Il-vapur ankra ftit ‘il barra mill-port tal-Imġarr għall-ħabta tal-għaxra ta' filgħodu wara li dar madwar il-gżira.
L-attività fl-Imġarr ħadet xejra mhux tas-soltuhekk kif id-dgħajjes jew tenders bdew iniżżlu l-passiġġieri l-art. Permezz ta' koordinazzjoni mill-Ministeru għal Għawdex ġie mħejji spazju biex tingħata merħba lil dawn il-viżitaturi. Ix-xena kienet imżewqa b'daqq u żfin folkloristiku mill-grupp Menhir tal-Qala filwaqt li ġie offrut ikel tipiku u prodotti ta' ikel artiġjanali. Rappreżentanti tal-Awtorità tat-Turiżmu (MTA) u l-Assoċjazzjoni tat-Turiżmu għal Għawdex (GTA) qassmu  materjal promozzjonali u informattiv dwar il-gżira ta' Għawdex.
Ħafna mill-passiġġieri ħadu numru ta’eskursjonijiet varji madwar il-gżira ta’ Għawdex, li kienu koordinati mill-kumpanija Mifsud Brothers. L-attivitajiet kienu jinkludu jeep safaris, żjajjar f'siti storiċi u mużewijiet, esperjenzi agro-turistiċi f'inħawi agrikoli fejn it-turisti setgħu wkoll iduqu ikel, inbid u xorb magħmul mil-lumi u larinġ. Uħud għażlu li jżuru l-gżira ta' Kemmuna u oħrajn ippreferew li jinżlu l-art u jesploraw il-gżira b'mod liberu. Ma naqsux żjajjar madwar il-kampanja u l-ambjenti rurali tal-gżira li f'dan iż-żmien partikolari tas-sena joffru dehra mill-isbaħ. Madwar 950 passiġġier li jammontaw għal 75% tal-passiġġieri fuq l-MS Rotterdam, niżlu l-art matul il-ġurnata.

Il-Kaptan Henrik Krombeen ta merħba lill-Onor. Giovanna Debono, Ministru għal Għawdex, fi żjara qasira li hija għamlet fuq l-MS Rotterdam. Preżenti kien hemm ukoll is-Sur  Karl Gollcher, direttur maniġerjali tal-kumpanija Gollcher, l-aġenti tal-vapur. Il-Ministru Debono esprimiet is-sodisfazzjon tagħha u fissret l-impenn tal-Ministeru għal Għawdex biex ikabbar il-potenzjal ta’ Għawdex fl-attrazzjoni ta’ turiżmu mill-qasam tal-cruiseliners. Permezz ta' kollaborazzjoni ma' aġenti u operaturi fis-settur, il-Ministeru għal Għawdex jirrikonoxxi u jsostni din l-attività li tirriżulta wkoll f’sors ieħor ta’ promozzjoni valida għall-gżira. Id-diversità fin-numru ta’ eskursjonijiet li ġew organizzati, minbarra li ġġeneraw kummerċ u attività fi żmien relattivament kwiet, esponew ukoll bosta mill-karatteristiċi u attrazzjonijiet uniċi ta’ Għawdex.   

Is-Segretarju Parlamentari għat-Turiżmu, l-Onor. Mario de Marco, f’kumment dwar iż-żjara ta’ dan il-vapur f’Għawdex, qal li l-MTA tippromwovi b’mod partikolari u ffukat kemm is-settur tal-cruiseliners u kif ukoll dak ta’ Għawdex bħala destinazzjoni separata minn Malta. Iż-żjara tal-lum hija wkoll frott il-ħidma tal-MTA sabiex tkompli tippromwovi lil Għawdex bħala destinazzjoni distinta għat-turisti li jiġu bil-cruiseliners, u hija sinjal tas-sinerġiji li qed jinħolqu f’diversi niċeċ tal-industrija turistika tagħna. Hu żied jgħid li hu sinifikattiv il-fatt li filwaqt li cruiseliners ġeneralment iqattgħu ġurnata f’destinazzjoni, l-MS Rotterdam għażel li jqatta’ ġurnata Malta u ġurnata oħra f’Għawdex, biex b’hekk fil-fatt se jkun qatta’ jumejn fil-Gżejjer Maltin.

Aktar kmieni din is-sena l-Club Med II u r-Royal Clipper ukoll għamlu waqfa qrib Għawdex filwaqt li fit-8 ta’ Novembru li ġej huwa mistenni li l-MS Prinsendam tal-linja Holland America Line, ukoll jagħmel waqfa f’Għawdex wara li jħalli l-Port il-Kbir. L-MS Rotterdam ħalla Għawdex għal ħabta tas-6.00 p.m. fi triqtu lejn Messina.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT  “L-intelliġenza artifiċjali għandha tkun għodda mħaddma tajjeb, filwaqt li qatt ma tista’ tieħu r-rwol fundamentali tal-edukaturi” – Il-Ministru Byron Camilleri fi Brussell

PR261990

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT “L-intelliġenza arti...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR INFRASTRUCTURE, PLANNING AND EMPLOYMENT  Over 200 students express their vision of the construction sector through art

PR261989en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR INFRASTRUCTURE, PLANNING AND EMPLOYMENT ...

More Press Releases Right arrow