Left arrow Go Back

SEMINAR F’GĦAWDEX JITRATTA L-ISTUDJU TAL-ISKART ORGANIKU BĦALA PARTI MINN PROĠETT GĦAT-TAGĦLIM MATUL IL-ĦAJJA TAL-UNJONI EWROPEA

pr1572
Date Icon 22/09/2009
Matul dawn l-aħħar sentejn, seba’ pajjiżiEwropej, fosthom Malta, kienu qegħdin jipparteċipaw fi proġett imsejjaħ Blended Learning Environmental Science (BLES). L-għan ta’ dan il-proġett kien dak li jiffoka fuq l-għarfien tekniku ta’ kif għandu jiġi ttrattat u mmaniġġjat l-iskart organiku. Il-parteċipanti setgħu jaqsmu informazzjoni u preokkupazzjonijiet relatati mal-pajjiżi rispettivi tagħhom. Permezz ta’ dan ġie miġbur u kkoordinat materjal li seta’ jintuża biex jiġi mwaqqaf kors fil-qasam tal-iskart bio-degradabbli.
Dan il-proġett kien iffinanzjat minn fondiEwropej, taħt il-programm ta’ tagħlim għal matul il-ħajja Leonardo da Vinci. Ingħata bidu għalih fil-bidu ta’ Diċembru 2007 u mistenni jasal fi tmiemu f’Diċembru 2009. Iċ-Ċentru Għawdxi tal-Arti u Snajja’ Wistin Camilleri (GCAC), li joffri servizzi tal-lifelong learning f’Għawdex, kien qiegħed jirrapreżenta lil Malta flimkien ma’ parteċipanti mill-Ġermanja, Polonja, Bulgarija, Estonja, Latvija u l-Litwanja.  Dawn il-parteċipanti ltaqgħu f’Għawdex għal dik li se tkun is-sessjoni konklussiva ta’ dan il-proġett, li matulha qed jingħata lok li tinġabar l-informazzjoni u jinqasmu l-esperjenzi li nġabru matul dawn is-sentejn. Fuq kollox seta’ wkoll jingħata tagħrif dwar l-andament tal-BLES course li qed jingħata permezz tal-internet, u li għandu madwar 150 parteċipant, fosthom 27 minn Malta u Għawdex. Dan il-kors, li ilu għaddej minn Novembru 2008, huwa mmirat li jżid l-għarfien dwar is-sorsi u l-kwantitajiet ta’ skart organiku; il-kompożizzjoni u l-karatteristiċi ta’ dan l-iskart; informazzjoni bażika leġiżlattiva; loġistika marbuta mal-kollezzjoni u t-trasport ta’ diversi tipi ta’ skart bio-degradabbli; it-trattament ta’ dan l-iskart flimkien mal-potenzjal tiegħu fir-rigward tal-protezzjoni tal-ambjent speċjalment dak marbut mat-tibdil fil-klima.
L-Onor. Giovanna Debono, Ministru għal Għawdex,iltaqgħet mal-parteċipanti u indirizzat sessjoni ta’ dan is-seminar li nżamm f’Għawdex matul tmiem il-ġimgħa.  Hija faħħret l-inizjattiva taċ-ċentru Għawdxi tal-Arti u l-Artiġjanat li kif spjegat qiegħed jevolvi f’ċentru kreattiv li joffri wkoll tagħlim orjentat max-xogħol. Il-Ministru qalet li sħubija fl-Unjoni Ewropea fissret li Għawdex mhux biss iggwadanja minn fondi Ewropej iżda, għakemm gżira żgħira, qiegħed ukoll jagħti l-kontribut tiegħu f’diversi oqsma relatati ma’ proġetti u inizjattivi oħra. Dan jagħti lok ukoll għall-iżvilupp soċjali fejn parteċipanti Għawdxin jiddiskutu u jaqsmu esperjenzi ma’ parteċipanti oħrajn li ġejjin minn pajjiżi oħra Ewropej. L-Onor. Giovanna Debono spjegat ukoll kif il-materjal diskuss fil-proġett BLES huwa marbut mal-viżjoni eko-Għawdex u kif dan għandu relevanza qawwija fir-rigward tal-futur tal-gżira ta’ Għawdex.

Iċ-Ċentru Għawdxi tal-Arti u Snajja’ Wistin Camilleri ser ikun qed joffri madwar 65 kors imqassma matul il-ġimgħa kollha matul is-sena skolastika li ser tiftaħ dalwaqt. Aktar informazzjoni u l-applikazzjonijiet relattivi jistgħu jinkisbu miċ-ċentru li jinsab f’Għajnsielem fuq tel: 21551493 jew fuq is-sit elettroniku: www.gozoarts.com.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT  Imfakkar il-65 anniversarju ta’ The Duke of Edinburgh’s International Award f’Malta

PR261987

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT Imfakkar il-65 a...

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER  150th anniversary of Carlo Diacono’s birth commemorated with a concert under the patronage of Speaker Carmelo Abela

PR261986en

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER 150th anniversary of Carlo Diac...

More Press Releases Right arrow