Left arrow Go Back

FAĊILITAJIET AĦJAR FL-ISKEJJEL KOLLHA MADWAR GĦAWDEX

pr1473
Date Icon 04/09/2009
Hekk kif il-vaganzi tas-sajf resqin fitmiemhom, bosta xogħlijiet li saru matul is-sajf f’diversi skejjel f’Għawdex ukoll waslu biex jintemmu. Dan ser iwassal biex tfal u studenti Għawdxin li ser jirritornaw lura l-iskola fi ftit ġimgħat oħra ser isibu faċilitajiet aħjar li jtejbu dejjem aktar l-ambjent u s-sigurtà f’dawn l-iskejjel. Il-Ministru għal Għawdex l-Onor. Giovanna Debono żaret uħud minn dawn l-iskejjel fejn saru jew qed isiru xogħlijiet ta’ manutenzjoni u tiġdid matul dan is-sajf. Hija kienet akkumpanjata minn uffiċjali mit-taqsima tal-edukazzjoni fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex.
Fost responsabilitajiet tagħha, din it-taqsimatikkoordina xogħlijiet ta’ manutenzjoni u xogħlijiet oħra li jsiru fl-iskejjel statali kollha madwar Għawdex. Dawn jinkludu 11-il skola primarja, tnejn sekondarji u ċ-Ċentru għall-Studji Ogħla. Matul dan is-sajf kienu għaddejjin xogħlijiet ta’ tikħil, tibjid, bdil ta’ madum u ristrutturar ta’ kmamar u klassijiet f’diversi skejjel. Inbidlet parti oħra mis-saqaf fl-iskola primarja tan-Nadur wara li aktar kmieni din is-sena kien sar xogħol intensiv ieħor f’dan ir-rigward. Inbidlu bosta aperturi fl-iskola primarja tal-Għarb u ġie ffinalizzat ix-xogħol fis-sala tal-iskola primarja ta’ Sannat li tinkludi wkoll taqsima speċjali għal tfal b’diżabilità. Uħud minn dawn ix-xogħlijiet twettqu minn ħaddiema tas-sezzjoni tal-manutenzjoni fit-taqsima tal-Edukazzjoni fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex li jinkludu wkoll mastrudaxxi. Matul din is-sena il-mastrudaxxi lestew fost l-oħrajn xogħlijiet għall-Iskola Primarja tax-Xewkija u għall-Iskola Post-Sekondarja Sir M.A. Refalo kif ukoll għamara ġdida għall-iskola primarja tal-Qala.
Il-Ministru Giovanna Debono saħqet li dawnix-xogħlijiet jikkonfermaw l-impenn tal-Ministeru għal Għawdex fl-iżvilupp kontinwu fis-settur tal-edukazzjoni f’Għawdex. Dan bil-għan li jitjiebu dejjem aktar l-istrutturi u l-ambjenti tal-iskejjel biex l-istudenti kollha li jattendu xi ċentru edukattiv f’din il-gżira jgawdu minn faċilitajiet edukattivi aktar moderni, li joffru aktar sigurtà u jkunu aċċessibbli minn kulħadd. Hija semmiet kif matul is-sena skolastika li ser tibda fil-jiem li ġejjin, l-iskejjel fi ħdan il-Gozo College ser jilqgħu 320 tfal tal-kinder, 1,249 student fl-iskejjel primarji kif ukoll 1,514-il student fl-iskejjel sekondarji tal-bniet u s-subien. Dan minbarra 1,232 student li ser jattendu fl-iskejjel tal-knisja. Iċ-Ċentru għall-Studji Ogħla Sir M’Anġ Refalo ser jilqa’ aktar minn 225 student li ser ikomplu bil-korsijiet li bdew is-sena l-oħra filwaqt li hu mistenni li aktar minn 200 student jibdew korsijiet post-sekondarji ġodda f’dan iċ-ċentru.
Il-Ministeru għal Għawdex jikkoordinaservizzi edukattivi oħra f’Għawdex li jinkludu lezzjonijiet speċjalizzati wara l-ħinijiet tal-iskola fl-iskola tal-Mużika f’Ta’ Sannat u l-iskola tad-Drama fin-Nadur. Servizzi oħrajn jingħataw fl-iSpecial Unit f’Ta’ Sannat u fiċ-Ċentru Għawdxi tal-Arti u l-Artiġjanat Wistin Camilleri li f’dawn l-aħħar snin kellu attendenza li tlaħħaq aktar minn elf parteċipant ta’ eta’ li tvarja minn 8 sa 80 sena. Issir ukoll kollaborazzjoni mal-Campus tal-Università ta’ Malta ġewwa Għawdex fejn jiġu organizzati numru ta’ korsijiet li jwasslu għal-Diplomi u Masters flimkien ma’ korsijiet qosra oħra b’temi varji.
Il-Ministru Giovanna Debono esprimietis-sodisfazzjon tagħha għal fatt li r-riżultat ta’ din il-ħidma huwa rifless fl-impenn tal-għalliema, l-istudenti u dawk kollha impenjati fil-qasam edukattiv f’Għawdex. Dan ġie rifless ukoll matul iż-żmien fis-suċċessi miksuba minn studenti Għawdxin f’eżamijiet f’livelli differenti li jinkludu dawk tal-Junior Lyceum kif ukoll dawk tal-matrikola f’livell sekondarju u avvanzat. Fis-sena skolastika li għaddiet aktar minn 900 student Għawdxi kienu qed jattendu korsijiet fl-Università ta’ Malta u istituzzjonijiet oħra f’Malta. Permezz ta’ skema speċifika għal studenti Għawdxin, il-Ministeru għal Għawdex ikkoordina servizz li permezz tiegħu saru pagamenti li jlaħħqu ‘l fuq minn €800,000 f’għajnuniet biex ikopru spejjeż ta’ akkomodazzjoni u trasport bil-baħar.
Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT  Imfakkar il-65 anniversarju ta’ The Duke of Edinburgh’s International Award f’Malta

PR261987

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT Imfakkar il-65 a...

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER  150th anniversary of Carlo Diacono’s birth commemorated with a concert under the patronage of Speaker Carmelo Abela

PR261986en

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER 150th anniversary of Carlo Diac...

More Press Releases Right arrow