PREŻENTAZZJONI OĦRA TA’ FILMATI STORIĊI MILL-ARKIVJI TAD-DOI
Fis-snin sittin, kienet twaqqfet il-koperattiva tal-bdiewa Għawdxin Gozitano. Dakinhar kien sar investiment f’impjant ta’ proċessar tat-tadam imkabbar Għawdex biex jagħmel prodotti għas-suq lokali u anki għall-esportazzjoni lejn ir-Renju Unit.
Fl-arkivji tad-DOI kien hemm xi filmati fuq pellikola li juru it-tkabbir tat-tadam, it-tħaddim tal-impjant u saħansitra it-tagħbija tax-xogħol tal-Gozitano fuq vapuri għall-esportazzjoni. Hemm xeni wkoll ta’ bdiewa Għawdxin iwasslu it-tadam tagħhom lejn l-impjant fi qfief tal-qasab u bl-użu tal-bhejjem. Id-Dipartiment tal-Informazzjoni, bħala parti mix-xogħol li qed isir fuq ristawr u diġitilizzazzjoni tal-arkivji tal-filmati, ħejja DVD fejn inġabru s-siltiet kollha li jittrattaw dwar din il-biċċa mill-istorja tal-agrikoltura f’pajjiżna.
Illum, fil-Belt, id-Direttur Ġenerali responsabbli mid-Dipartiment tal-Informazzzjoni, is-Sur Martin Bugelli, ppreżenta din id-DVD lil Dr Joseph Grech, il-Manager tal-Għaqda tal-Produtturi Gozitano Agri Coop. Dan sar proprju din il-ġimgħa bħala preparazzjoni għall-festa tat-tadam li ser issir fi tmiem din il-ġimgħa f’Għawdex.
Is-Sur Bugelli qal lid-DOI huwa kommess li jkompli jwassal dan it-tip ta’ materjal għall-poplu permezz tas-setturi involuti. Fil-fatt, ftit tal-gimgħat ilu kienet saret ukoll prezentazzjoni ta’ DVD b’siltiet mill-logħba Malta vs Ingilterra tal-1971 lill-arkivji tal-Malta Football Association.
Dr Grech irringrazzja lid-DOI ta’ dan ix-xogħol u wera l-apprezzament lejn il-fatt li b’hekk il-wirt storiku, b’aċċenn partikolari fuq l-agrikultura u l-Gżira t’Għawdex, b’dan il-mod ikun iktar disponibbli għall-pubbliku. Huwa qal li Gozitano bi ħsieba tara kif tista’ tuża dawn il-filmati biex tkompli twassal l-istorja tal-agrikoltura f’Għawdex kemm lill-Maltin u l-Ghawdxin, kif ukoll lit-turisti li jżuruna.
Other Press Releases:
PR261986en
PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER 150th anniversary of Carlo Diac...
PR261986